Kanzunetti bil-Malti għat-tfal

Għeżież għalliema u ġenituri, ħsibna li nilqgħukom għas-sena skolastika l-ġdida b’rigal ta’ sitt kanzunetti ġodda bil-Malti għat-tfal ċkejknin. Dan huwa frott proġett ieħor bejn il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti d-Dipartiment tat-Tmexxija tal-Kurrikulu, wara sejħa pubblika li konna ħriġna. Nirringrazzjaw lill-awturi u l-kompożituri tas-sitt kanzunetti: Carmel G. Cauchi, Renè Cilia, Guido Lanfranco u Marija Tereża Pulè, kif ukoll Augusto Cardinali, Dominic Galea u Philip Vella.

Il-proġett tmexxa mis-Sur David Agius Muscat, Uffiċjal Edukattiv tal-Malti għall-Primarja u mis-Sur Thomas Pace, id-Direttur tal-Kunsill, bis-sehem tas-Sa Mariella Cassar, il-Prof. Manwel Mifsud, is-Sur Trevor Zahra u s-Sra Mary Anne Zammit.

Dawn il-kanzunetti nħadmu apposta biex jitkantaw mit-tfal fil-klassijiet mal-għalliema, u fid-djar mal-ġenituri u n-nanniet. Fil-fatt, fil-filmat ta’ kull kanzunetta tidher żigarella bil-kliem tagħha ħalli t-tfal ikunu esposti għall-kliem miktub. Nittamaw li kemm intom kif ukoll it-tfal tagħkom tieħdu gost bihom.

Dawn t’hawn taħt huma biss tnejn minnhom, imma l-kanzunetti ssibuhom kollha fl-istazzjon tal-YouTube, ilsien pajjiżi. Għalhekk tistgħu tużawhom ukoll mat-tfal mit-tablet jew mill-ismartphone tagħkom. Inħeġġukom ħafna biex liż-żgħar tagħkom tkellmuhom u tkantaw magħhom bil-Malti. B’hekk ngħaddu l-lingwa sabiħa tagħna lill-ġenerazzjonijiet ta’ warajna.

Tista’ tara wkoll iċ-ċirkulari li tqassmet fl-iskejjel fuq dan il-proġett, minn hawn.

Sadattant, il-kanzunetti dehru fis-sit tal-aħbarijiet newsbook u qed naħdmu biex intellgħu aktar kanzunetti ħelwin bħal dawn.

DAWN HUMA BISS TNEJN, KEMM TIEĦU IDEA. HEMM ERBGĦA OĦRA JISTENNEWK, HAWN!