Il-Qarċilla fil-Karnival

Għat-tielet sena konsekuttiva, fi Frar 2016, se terġa’ tittella’ l-qarċilla fil-Karnival. Din is-sena l-qarċilla nkitbet mill-awtur Dr Immanuel Mifsud.

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti hu msieħeb ewlieni f’din l-inizjattiva, flimkien mal-Akkademja tal-Malti, Heritage Malta, u l-Kumitat tal-Karnival fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Arti. Bħala Kunsill kburin li, għal sena oħra, qed nagħtu sehemna biex din it-tradizzjoni bil-Malti tibqa’ ħajja fil-Karnival Malti.

Il-qarċilla hija farsa li sa mitt sena ilu kienet għadha ssir fil-Karnival tal-Belt. Kienet popolari fl-irħula wkoll. Wieħed raġel kien jilbes ta’ nutar u maġenbu jkollu l-għarajjes. In-nutar jaqralhom b’vuċi għolja l-kuntratt taż-żwieġ, kitba mqabbla mimlija ħmerijiet, tmejjil u botti. In-nies kienu jogħxew isegwu n-nutar huwa u jaqra l-qarċilla biċċa biċċa mal-kantunieri tal-Belt. Xi kultant, il-kelma tan-nutar ma kinitx tajba għal widnejn kulħadd.

L-ewwel qarċilla li nafu biha kitbuha għall-Karnival tal-1760. Hija x-xogħol tal-poeta Bormliż Dun Feliċ Demarco. Fost ix-xogħlijiet tiegħu bil-Malti, iż-Żwieġ la Maltija huwa l-uniku xogħol li waslilna.

Wara tant snin, fl-2014 il-qarċilla ngħatat il-ħajja mill-ġdid bil-kitba ta’ qarċilla ġdida mill-awtur Trevor Zahra. Zahra kiteb ukoll il-qarċilla tas-sena ta’ wara.

Din it-tradizzjoni qed tinżamm fl-2016. Il-Kunsill tal-Malti jixtieq jirringrazzja lis-Sur Olvin Vella u lis-Sur Joseph Galea għall-ħidma tagħhom.