‘Deċiżjonijiet 1’ fuq il-Kitba Maltija

  • Id-deċiżjonijiet li xandar il-Kunsill tal-Malti fil-25 ta’ Lulju 2008 biex inaqqas l-inċertezzi fil-kitba tal-Malti ntlaqgħu tajjeb ħafna u daħlu tista’ tgħid kull fejn il-kitba bil-Malti hija prominenti. 
  • Il-Kunsill kien intalab mill-għalliema, il-pubblikaturi, it-tradutturi u l-qarrejja tal-provi tal-Malti, fost l-oħrajn, biex fejn kien hemm aktar minn verżjoni waħda korretta għall-istess kelma (jiġifieri, varjanti ortografiċi) jiddeċiedi fuq forma waħda li tkun tajba fil-kitba. Dawn kienu forom differenti fil-kitba mhux fil-pronunzja, ngħidu aħna ‘fil-għodu’ u ‘filgħodu – kulħadd jgħidha l-istess imma stajt tiktibha b’żewġ forom, ħaġa li kienet tħawwad lit-tfal tal-iskola, fost l-oħrajn. Għalhekk, il-Kunsill ma biddel l-ebda regola u ma daħħalx kliem ġdid, imma ddeċieda fuq forma waħda għall-kitba biex jagħmilha eħfef għal min ried jikteb, jistudja u jikkoreġi l-Malti. F’dal-każ, intgħażlet il-forma l-magħquda (filgħodu). Kien hemm kliem ieħor, bħal ‘illum’, ‘nagħaġ’, ‘Gran Mastru’, eċċ.
  • Il-Kunsill impenja ruħu li, qabel jiddeċiedi, jikkonsulta lill-istess nies li talbuh jagħmel dan l-eżerċizzju kif ukoll lill-pubbliku ġenerali ħalli jisma’ l-fehma ta’ kull min kien interessat fis-suġġett. Fil-fatt, għamel diversi laqgħat magħhom u organizza wkoll seminar pubbliku li għalih ikkonkorrew 300 ruħ.
  • Il-konsultazzjoni u d-diskussjonijiet mal-pubbliku servew ta’ bażi għad-deċiżjonijiet finali li ttieħdu minn kumitat ta’ esperti maħtur apposta mill-Kunsill. Dawn kienu nies minn oqsma differenti li studjaw il-Malti u li jħaddmuh ta’ kuljum f’xogħolhom.
  • Id-deċiżjonijiet saru uffiċjali bil-pubblikazzjoni tagħhom fil-Gazzetta tal-Gvern, kif mitlub mil-liġi tal-Malti li tistabbilixxi l-Kunsill.
  • Il-Kunsill ippubblika wkoll lista alfabetika tal-kliem li ttieħdet deċiżjoni dwaru, li hija komda ħafna għal min ikun irid jikkonsulta d-deċiżjonijiet bla telf ta’ ħin. Tinkludi l-istess kliem tad-dokument it-twil imma tajba għal referenza ta’ malajr.
  • Ingħata moratorju ta’ tliet snin, sa Lulju 2011, biex kulħadd jilħaq jidra l-forom deċiżi. Matul dan iż-żmien, stajt tibqa’ tikteb il-verżjonijiet kollha. Il-Kunsill fassal programm wiesgħa u f’dawn it-tliet snin iltaqa’ mal-għalliema kollha tal-iskejjel tal-Istat, tal-Knisja u Indipendenti, mal-ġenituri, mal-pubblikaturi, u mal-ġurnalisti u x-xandara. Ħa sehem ukoll fi programmi tar-radju u t-televiżjoni biex jispjega d-deċiżjonijiet. Ippubblika wkoll artikli fil-gazzetti. Wara li għadda l-moratorju, id-deċiżjonijiet daħlu fis-seħħ uffiċjalment.
  • Bħal kull ħaġa ġdida, xi wħud mid-deċiżjonijiet qajmu dibattitu san fil-gazzetti u fi programmi tar-radju u t-televiżjoni. Il-Kunsill sodisfatt li qed iservi bħala forum ta’ diskussjoni, kif ukoll li l-politika tiegħu ta’ konsultazzjoni wiesgħa qed tiġi apprezzata.
  • Jekk tixtieq tirċievi bil-posta kopja tal-Lista Alfabetika tal-kliem li ttieħdet deċiżjoni dwaru, ibagħtilna l-indirizz tad-dar tiegħek hawnhekk.