Id-Damma ta’ Agius de Soldanis

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti huwa wieħed mill-pubblikaturi tad-Damma, id-dizzjunarju tal-Kanonku Ġan Piet Franġisk Agius de Soldanis.

Id-Damma (c. 1766) qed tinbiegħ bil-prezz imraħħas ta’ €35 sa qabel is-sajf 2016. Wara li joħroġ id-dizzjunarju, il-prezz tagħha se jkun €50. Għalhekk, irriserva kopja issa.

Dan il-kapolavur ta’ dizzjunarju, Agius de Soldanis lestieh wara 17-il sena, fl-1766, jiġifieri qabel il-Lexicon ta’ Vassalli (1796), imma baqa’ qatt ma ġie ppubblikat. Wara 250 sena manuskritt miżmum fil-Bibljoteka Nazzjonali, id-Damma se tkun ippubblikata mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti flimkien mal-Bibljoteka Nazzjonali, id-Dipartiment tal-Malti fl-Università, l-Akkademja tal-Malti, Heritage Malta, il-Fond RIDT tal-Università u l-BPC International.

Għalkemm qegħdin insejħulu dizzjunarju, dan il-ktieb huwa aktar minn hekk. Id-Damma hi miżgħuda b’xhieda ta’ kultura Maltija li m’għadhiex magħna. Fil-fatt tixbah aktar ‘il xi enċiklopedija, għax fiha ssib tagħrif dwar l-ikel, id-drawwiet, il-logħob, l-istrumenti mużikali, il-leġġendi u mitt elf ħaġa oħra.

L-editjar ta’ dan id-dizzjunarju enċiklopediku ħa sitt snin b’kollox. Rosabelle Carabott u Joanne Trevisan ittraskrivew l-ewwel abbozz, u Carabott irrevediet il-volum sħiħ u editjatu. Ix-xogħol sar taħt id-direzzjoni ta’ Olvin Vella mid-Dipartiment tal-Malti tal-Università. Id-disinn tal-ktieb hu f’idejn Daniel Cilia u t-tiratura hi ta’ 1000 kopja biss.

Biex tkun taf aktar dwar de Soldanis u x-xogħlijiet tiegħu, żur listazzjon iddedikat lil Agius de Soldanis fuq il-Youtube.

Biex tapplika għal din l-offerta ta’ qabel il-pubblikazzjoni, stampa din il-formola u ibgħatha mimlija kif indikat. Ħaffef għax hemm ħafna li ordnawh diġà!

6 ta’ Novembru 2015