Il-kliem tad-direzzjonijiet jew l-irjieħ – bħal ħafna oqsma oħra – għandhom verżjoni ta’ nisel Semitiku u oħra ġejja mill-Isqalli/Taljan. Bħalma nistgħu ngħidu l-PUNENT jew l-GĦARB, hekk ukoll nistgħu nużaw il-LVANT jew ix-XERQ.
 
Anke f’dan il-każ, naraw li l-użu tal-Maltin aktarx warrab il-kelma Semitika u pprefera l-kelma Rumanza. Il-kelma l-qadima tibqa’ ssibha biss fil-kitbiet antiki bħal dawk ta’ Patri Manwel Magri u fil-Bibbja ta’ Saydon, li l-kelma Semitika kien jippreferiha dejjem.
Imma fil-ħajja l-musmar il-ġdid aktarx jaqla’ l-qadim…
 
Prof. Manwel Mifsud

Il-verb (jew hawnhekk il-psewdoverb) jaqbel dejjem mas-suġġett tas-sentenza.

Issa, fis-sentenza “Il-qawmien ta’ Ġesù hija l-aħbar l-iktar kbira.” is-suġġett huwa l-qawmien, nom maskili.

Mela rridu ngħidu: Il-qawmien ta’ Ġesù huwa l-aħbar l-iktar kbira…

IMMA, is-superlattiv ta’ kliem Semitiku – li għandu forma apposta fil-Malti – m’għandux isir bis-sistema maqsuma (li jkollhom jieħdu l-aġġettivi Rumanzi).

Mela, l-aħjar ikun li tgħid: l-ikbar aħbar (u mhux: l-aħbar l-iktar kbira, jew l-iktar aħbar kbira). Huwa superlattiv iqsar u iktar idjomatiku.

Għalhekk:

Il-qawmien ta’ Ġesù huwa l-ikbar aħbar jew L-ikbar aħbar hija l-qawmien ta’ Ġesù

 

Prof. Manwel Mifsud

Il-verb seta nistgħu nibnuh fuq kiser

Mela, skont il-mudell (ma kisirx), suppost kellna niktbu *ma setagħx.

 

Imma l-ortografija tgħid li fil-verbi li jispiċċaw bl-appostrofu (= għ), dan jaqa’ u l-għ prattikament ma tidhirx aktar.

Mela niktbu: reġa’ / ma reġax, jitla’ / ma jitlax, jiltaqa’ / ma jiltaqax, seta’ / ma setax. Il-mejda mżegilga, se taqa’ u ma taqax.

 

Prof. Manwel Mifsud

Il-verbi neqsin huma ta’ żewġ tipi fil-Malti, skont kif jidhru fl-imperfett tagħhom:

1. QELA – jaqli / jaqlu

2. MELA – jimla / jimlew

 

Bil-pronom mehmuż, jiġu:

1. jaqluk (jifnuk, jarmuk, jisquk)

2. jimlewk (jinsewk, jidrawk, jaqrawk)

Mela jinsewk mhix eċċezzjoni. Qed timxi ma’ sħabha tal-istess klassi.

 

Prof. Manwel Mifsud

Verb bl-għerq SL irridu nibnuh fuq verb bħal SRQ.

La niktbu sraqna, niktbu wkoll: lgħabna, xgħelna, sgħolna – bħala verb.

 

In-nom jiġi sogħla. Bil-pronom mehmuż ma jiġix sogħlna imma sogħlitna, bħan-nomi kollha li jispiċċaw bl-a

(eż. kelma/kelmitna, ħidma/ħidmitna). Fil-fatt, dan ma tantx jingħad, għax aktarx ngħidu: is-sogħla tagħna.

Prof. Manwel Mifsud

B’xorti ħażina, in-Nomi tat-Tip (bħal: tursinħadidxagħarsapunċombtuffieħnemus, u bram) spiss jirreferu għalihom bħala “collective plural”.

Imma dawn grammatikalment mhuma plural xejn. Nużawhom dejjem fis-singular: tursin frisk (mhux friski), ħadid imsaddad (mhux imsaddin), xagħar twil (mhux twal), sapun ifuħ (mhux ifuħu), eċċ. għaliex inkunu qed nitkellmu fuq it-Tip, in-natura nfisha tal-oġġett, mhux fuq l-oġġetti/individwi/waħdiet li jkollhom dik in-natura. ​

Jekk inkunu rridu ngħoddu, allura mbagħad nagħmlu s-Singular (jew in-Nom tal-Unità) billi nżidu -a man-Nom tat-Tip: tursinaħadidaxagħrasapunaċombatuffieħanemusabrama.

Imbagħad jekk inżidu -iet (jew -at) ikollna l-Plural (Plural Magħdud: għax nużawh biss fil-plurali minn 2-10): tursinietħadidietxagħrietċombietsapuniettuffiħatnemusietbramiet.

Ġieli mbagħad ikollna l-Plural tan-Nom tat-Tip, jiġifieri ħafna tipi, imma ftit huma n-nomi tat-tip li joħduh: spapenqmuħtjurkrafesdbieben, eċċ.

Mela fil-Malti m’għandniex is-sistema Singular/Plural biss, imma żewġ sistemi, waħda b’2 forom u l-oħra bi 3 (jew 4):

 1 ——-SINGULARPLURAL——-
 ——-kelbklieb——-
 ——-torritorrijiet——-
     
2 NOM TAT-TIP

SINGULAR
 (Nom tal-Unità)

PLURAL
 (Plural Magħdud)

 (Plural tan-Nom tat-Tip)
 brambramabramiet——-
 qamħqamħaqamħietqmuħ

 

Prof. Manwel Mifsud

 

Tismagħhom it-tnejn.
 
STRAĦT hija l-forma “regolari” (bħal verbi oħra tal-10 forma: ħdart, sfart, ċkint, eċċ.). (ST- quddiem RAĦ, verb moħfi qadim li fil-Malti m’għadux jintuża).
 
Imma xi verbi qosra fil-Malti għandhom ħabta jitwalu billi jissellfu t-tarf tal-verbi neqsin (-ejt, -ajt, eċċ.). Minn hawn tiġi: STRIĦAJT
 
U din mhix waħedha:
straħt/striħajt (mhux bl-ie għax l-aċċent qiegħed fuq l-a)
begħt/bigħejt (ippronunzjata [biħħejt])
għumt/għomejt
doqt/doqejt
(Dawn mhux bilfors tkun smajthom kollha, imma huma rreġistrati mingħand kelliema Maltin.)
 
Aktarx ninnutaw f’kull każ li t-tieni kelma (it-twila) qed issir dejjem iktar komuni, filwaqt li l-ewwel waħda (il-qasira) qed tintuża dejjem inqas.
 
Prof. Manwel Mifsud

Il-kelma [bl-]imnut hi ta’ nisel Rumanz u ġejja mit-Taljan [vendere al] minuto. Naturalment, mhux minuto fis-sens ta’ ħin imma ta’ kwantità żgħira ħafna, bħal minute fl-Ingliż.

Tfisser: tbigħ fi kwantitajiet żgħar, bin-naqriet, bħalma jagħmlu l-bejjiegħa ż-żgħar fil-komunità tax-xerrejja.

Imma dal-bejjiegħ iż-żgħir ikun xtara l-biegħa mingħand il-bejjiegħ il-kbir (il-grossista) li jbigħ biss bl-ingrossa (u ġieli jkun l-importatur tal-biegħa).

Kos, dnub li għandna oqsma moqdija tant tajjeb bil-kelma Maltija li – sempliċiment sforz in-nuqqas ta’ għarfien tagħna – qed naħsbu li m’għandniex u mmorru niddubbawhom ħażin ħażin mingħand ħaddieħor. Dan filwaqt li f’oqsma oħra barra l-lingwa qed inkunu bravi u nisħqu fuq li nippreservaw il-wirt u niżviluppaw il-potenzjal lokali, bħall-inbid u ż-żejt taż-żebbuġa Maltija.

Prof. Manwel Mifsud

Spiss jistaqsuna: meta jkolli poeżija li nkitbet b’ortografija antika u fiha jkun hemm kliem bħal ‘agħsafar’ u ‘ta’ l-iskola’, meta niġi biex nużaha llum niktibha kif kitibha l-poeta jew għandi “nikkoreġiha”?

F’diskussjoni dwar l-ortografija, jista’ jkun meħtieġ li żżomm il-kitba oriġinali, għax din tkun importanti għall-argument. Mill-bqija, ma jagħmilx sens li tirriproduċi l-kitba bl-ortografija eżatta ta’ kif kitiba l-awtur. L-awtur kiteb skont il-kitba ta’ żmienu. Mela, kieku kien qed jikteb issa, kien jikteb skont il-kitba tal-lum. Għax l-ortografija hija biss mezz biex twassal il-ħoss (u allura l-idea) li jkollok f’moħħok. B’hekk ma toħloqx diffikultà żejda lill-qarrej tal-lum. Naturalment, basta toqgħod attent/a li taqleb eżatt u ma tibdel xejn mis-sens oriġinali.

M’hemmx regola fissa li wieħed għandu jsegwi. Jien nifhimha li min ikun irid jgħaddi messaġġ/fehma/ħsieb, irid jagħmel ħiltu kollha biex iwasslu bl-aħjar mod u bl-aktar mod li jiggarantilu l-komunikazzjoni sħiħa. F’dan is-sens, kitba b’ortografija qadima xi ftit ittellef lill-qarrej u allura nippreferi li kieku nġib kollox għall-kitba ta’ żmienna (sakemm, kif għedt, ma jkunx f’diskussjoni dwar l-ortografija nfisha).

Naturalment, madwarna nsibu ħafna skrizzjonijiet li saru fi żminijiet oħra u li nkitbu bl-ortografija ta’ żmienhom, u dawn jibqgħu tifkira tal-iżvilupp tal-ortografija matul iż-żmien. Għandhom valur storiku miżjud. Kemm hu sabiħ tara, ngħidu aħna, l-arkata tas-Santwarju tal-Mellieħa bil-kliem bl-ortografija ta’ Vassalli “Fik temgħu missirijietna, temgħu u inti smajthom”. Imma dik ħaġa oħra, għax hija kitba awtentika li saret fi żmienu stess.

Prof. Manwel Mifsud

L-ark li jagħti għall-bitħa tas-Santwarju tal-Madonna tal-Mellieħa fl-2019 għalaq 300 sena

L-infiss -ixx- jidħol f’xi verbi Maltin ta’ nisel Rumanz u ġie rriċerkat fit-tul mill-Prof. Manwel Mifsud fil-ktieb tiegħu Loan Verbs in Maltese (pp. 169-181) u, ġentilment, qassrilna din in-nota prattika fuqu:

Dan huwa element interessanti ħafna għax, jidher li, meta daħal fil-Malti żamm l-istess funzjoni li kellu fit-Taljan imma applikaha għas-sitwazzjoni ġdida Maltija. Il-funzjoni tiegħu ġeneralment hija li – bħaċ-Ċirinew – iġorr il-piż ta’ ħaddieħor, jiġifieri jieħu l-piż tal-aċċent ewlieni meta dan ikun se jaqa’ fuq iz-zokk tal-verb biex iħalli z-zokk tal-kelma ħafif kemm jista’ jkun. Għax meta ma jiġrix hemm, il-kelma donnha tistona.

Mela: jiena gGARANT-ejt (hawn -ixx- ma tidħolx għax l-aċċent qiegħed fuq l-e tas-suffiss u mhux fuq iz-zokk, miktub b’ittri kbar). Imma: jiena nigGARANT-ixx-i (-ixx- tidħol tieħu l-aċċent, għax inkella l-aċċent ikollu jaqa’ fuq iz-zokk: jigGARANT-i).

Normalment, l-infiss -ixx- ma jintużax meta nżidu xi suffiss, sewwasew għall-istess raġuni, għaliex imbagħad is-suffiss jieħu l-aċċent u l-ixx ma jkunx hemm bżonnha. Dan jiġri:

1. fin-negattiv: jikkostitwixxi > ma jikkostitwi.x, kkostitwixxa > ma kkostitwie.x
2. ma’ pronom mehmuż: jikkostiwixxi > jikkostitwi.ha, kkostitwixxa > kkostitwie.ha
3. fil-partiċipju passiv: jikkostitwixxi > (k)kostitwi.t

Mela, skont dan l-istudju, il-forma mitluba hija ma jiggarantix. Bħalha għandna kliem ieħor, ngħidu aħna, ma jikkostitwix.

Din it-tabella turi fejn jidħol dan l-infiss u fejn le fil-konjugazzjoni ta’ verb ieħor tipiku (l-aċċent jidher b’tipa skura).

Dan hu dak li rriżulta minn għadd ġmielu ta’ informanti li kelli għar-riċerka tiegħi fuq dan il-punt lingwistiku. Imma niftakar li sibt ukoll minoranza ta’ kelliema li kienu jaċċettaw forom oħra barra dawk li tajt hawn fuq (eż. jaċċettaw kemm ‘ma kkostitwiex’ u kemm ‘ma kkostitwixxiex’, eċċ.). Imma kienu minoranza, u allura t-teorija tal-aċċent (imfissra hawn fuq) qed tistrieħ fuq ir-riżultat tal-maġġoranza tal-kelliema. Dak hu kulma nista’ ngħid fuqu sakemm isir studju iktar komprensiv, ngħidu aħna f’xi teżi fuqu biss, biex naraw x’inhi s-soluzzjoni tal-ikbar għadd ta’ kelliema.

Prof. Manwel Mifsud

L-għerq tal-verb ragħa (he grazed) huwa R.Għ.J.

Mela hawn għandna għerq ftit anomalu, għax:
1. huwa nieqes (għandu t-tielet konsonanti dgħajfa);
2. għandu  bħala t-tieni konsonanti tal-għerq.

Bħala nieqes, għandu jimxi bħal għeruq neqsin oħra: B.N.JQ.R.JK.R.J, GĦ.N.J.

In-Nom tal-Ħaddiem (li s-soltu jkollu dil-forma: 1v22ā3), mal-għeruq neqsin isir: 1v22vj.
Eż. bennejqarrejkerrejgħannej bil-plural bennejjaqarrejjakerrejjagħannejja.

Fuq dan il-mudell, in-Nom tal-Ħaddiem ta’ R.Għ.J għandu jkun: ragħgħaj, plur. ragħgħajja. Imma l-għ ma tistax tinkiteb doppja, u minflokha niktbu waħda.
Eż. lagħgħab > lagħab (min jilgħab il-flus).
U bħalu: ragħgħaj > ragħaj (min jirgħa), u l-plur. ragħgħajja > ragħajja.

Mela, in-Nom tal-Ħaddiem huwa: m. ragħaj, f. ragħajja, plur. ragħajja.

Prof. Manwel Mifsud

Fil-każ ta’ kontra, il-pronunzja tidher li hija [ij] fil-forom kollha: kontrijakontrikkontrih/kontrihakontrinakontrikomkontrihom.

Imma filwaqt li r-riżultat quddiem -k-na-kom huwa ċar mill-pronunzja, quddiem il-forom bl-h (-h-ha-hom) jista’ jagħti lok għal 2 interpretazzjonijiet (eż. kontrieh/kontrih?).

Naturalment, fuq is-saħħa tal-forom iċ-ċari naslu biex ninterpretaw u nħollu l-ambigwità tal-oħrajn (u allura niktbu: kontri-ha u naqtgħu kontrie-ha).

Dan hu eżatt dak li jiġri dejjem fi kliem bħal: bi-ja-k-na-kom… bi-hbi-habi-hom.

Barra minn hekk, it-taqsima 3.2.7 tad-Deċiżjonijiet 1 tindika b’mod ċar:

3.2.7 Il-prepożizzjoni ‘kontra’ bil-pronomi mehmużin

“Meta l-pronomi personali jinhemżu mal-prepożizzjoni ‘kontra’ jinkitbu hekk: kontrija, kontrik, kontrih, kontriha, kontrina, kontrikom, kontrihom.”

Prof. Manwel Mifsud

Dawn it-tnejn jingħadu u t-tnejn aċċettati.

Żbagħt hija verb sħiħ, bħal ksirtfraħt u tlabt.

Żbajt timxi mal-mudell xbajtbżajt u tlajt.

Hawn min jiżba’ u hawn min jiżbogħ

Soluzzjonijiet bħal dawn (għal problemi relattivament ġodda) ma jaqgħux mis-sema, u ma jivvintahomx min jistudja l-lingwa.

Ifittixhom fil-lingwa stess, fuq fomm in-nies, u – iktar iva milli le – isib tweġiba li jista’ japplikaha għall-każ ġdid tiegħu.

Issa l-Malti forsi ma kellux id-deċimali minn dejjem, imma frazzjonijiet kellu.

Jekk ikollna “5 and a half gallons of water” ilkoll ngħidu ħames galluni u nofs ilma (u mhux ħamsa u nofs galluni ilma). Mela fil-Malti l-ewwel tagħti l-kejl is-sħiħ u mbagħad issemmi l-frazzjoni tas-sħiħ.

Għalhekk, b’dan il-mudell tal-frazzjonijiet nista’ nsolvi l-problema tad-deċimali.

Mela, bil-mudell ta’ ħames galluni u nofs nista’ nibni:

– wieħed u sittin millimetru punt tlieta (u mhux wieħed u sittin punt tlieta millimetri)

– erba’ litri punt sebgħa (u mhux erbgħa punt seba’ litri)

– seba’ gradi punt tnejn (u mhux sebgħa punt tnejn gradi)

Iktibhom skont kif taqrahom. U minħabba li din is-soluzzjoni timxi mas-sintassi li dejjem uża l-kelliem Malti, tinħass ħafna iktar naturali u ħafna inqas imqanżħa.

Prof. Manwel Mifsud

Hawn m’għandniex żewġ vokali separati (fo-to-vol-ta-i-ċi) imma dittong (fotovol-taj-ċi).

Mela ikteb fotovoltajċi.

Prof. Manwel Mifsud

Ejja nagħmlu distinzjoni żgħira.

(1) il-prefissi jinkitbu mal-kelma

Innota li meta jkollna kelma bi prefiss, ir-“ras” tal-espressjoni (i.e. l-iktar parti ċentrali jew importanti) tkun il-kelma l-oħra u mhux il-prefiss

Eż. psewdokulturali: hawnhekk ir-ras hija kulturali, u psewdo qed timmodifika dik it-tifsira bażika tar-ras (kulturali, imma taparsi).

 

(2) każi bħal linji gwidapajjiżi membri

Hawnhekk linji u pajjiżi mhumiex prefiss, għax fil-fatt huma l-irjus tal-frażi; gwida u membri għandhom biss funzjoni ta’ aġġettiv (i.e. huma qabelxejn linji imma li jservu ta’ gwida; u pajjiżi, imma assoċjati jew imseħbin…)

Mela hawn ma tidħolx ir-regola tal-prefissi, għax dawn nom + aġġettiv normali. U jinkitbu bħall-każi l-oħra kollha: kamra spazjuża, linja gwida, pajjiż membru.

Prof. Manwel Mifsud

L-aħjar mod kif tikteb dawn l-avverbji hu billi tieħu l-aġġettiv femminili tagħhom u żżid is-suffiss -ment miegħu.

Mela:

 

Aġġ. femm.SuffissAvverbju
awtomatika+mentawtomatikament
mużikali+mentmużikalment
fidila+mentfedelment

 

Prof. Manwel Mifsud

Aktar milli kwistjoni ta’ etika din il-frażi aktarx li hi marbuta mal-konswetudni lingwistika.

L-Ingliżi jgħidu: “You and I” u l-Maltin: “Jien u int”. L-ebda waħda mhi iktar ‘pulita’ jew ‘etika’ mill-oħra. Sempliċiment kwistjoni ta’ mod differenti ta’ kif tindirizza l-istess sitwazzjoni.

U daqskemm ikun sfurzat li Ingliż jgħid “I and you”, daqshekk ieħor ma jkunx naturali Malti li jgħid “int u jien”.

 

U marbuta magħha…

Fil-Malti tista’ tuża kemm il-pronom personali l-imqassar u kemm is-sħiħ. Mela: jieninthu u hi huma tajbin daqs jienaintihuwa u hija fi kwalunkwe kuntest.

Prof. Manwel Mifsud

Il-forma sħiħa hija nagħtik, u l-għerq tagħha huwa għ-t-j. Il-kurjuża hi li dan l-għerq:

fl-Imperfett jitlef l-aħħar konsonanti tal-għerq: t-(j), eż. nagħti (għax verb nieqes, jiġifieri l-aħħar konsonanti hi dgħajfa),

u fil-Perfett jitlef l-ewwel konsonanti tal-għerq: (għ)-tj, eż. tajt (għax l- f’dil-pożizzjoni ġieli tbati).

Biss, anke fl-Imperfett/Imperattiv ġieli tintuża l-forma mqassra (mingħajr ): nagħtik/ntikjagħtuk/jtukagħtuni/tuniagħtih/tih.

Issa ġieli ssib min jgħidlek li din mhix tajba. Imma l-fatt li hija forma mqassra ma jfissirx li mhix tajba. Hekk, ngħidu aħna, qed hija l-forma mqassra ta’ qiegħed/qiegħda/qegħdin, u ser hija l-forma mqassra ta’ sejjer/sejra/sejrin, imma xorta jitqiesu tajbin. U dan jgħodd ukoll għall-forom imqassra ntik, eċċ.

Dan huwa kkonfermat ukoll mil-letteratura. Pereżempju, innu klassiku ta’ Dun Karm jibda: “Tina l-ħlewwa tal-ilsna tas-sema…” Anke David Azzopardi kitbilna kanzunetta sabiħa u popolari li tgħidilna: “Tini jdejk, jekk trid li naslu…”

Għandna żewġ forom – waħda mqassra u l-oħra sħiħa – tajbin it-tnejn, uża dik li tippreferi.

Prof. Manwel Mifsud

Fil-Malti, il-pronom mehmuż tal-ewwel persuna singular wara verb huwa dejjem -ni.

Ejja nieħdu ftit eżempji:

jara>jara-ni
jsib>jsib-ni
MELA: jgħin>jgħin-ni

 

U l-istess għall-forom l-oħra tagħha (eż. l-imperattiv “għin-ni” / “għin-na“), kif jidher tajjeb f’din il-grafika ta’ maratona lokali.

Fil-Malti għandna kliem bħal

ksur (nom verbali) kisra (nom verbali tal-unità – waħda) u kisriet (plural magħdud).

Bħalha: ftehim (nom verbali) – ftehima (nom tal-unità) – ftehimiet (plural magħdud)

–  ftehim tagħti l-kunċett ġenerali, il-fatt li wieħed ikun lest biex jiftiehem ma’ ħaddieħor (eż. “il-ftehim bejn l-aħwa sabiħ”). Importanti li n-nom verbali “ftehim” ma jintużax fil-plural.
–  ftehima tiġi okkażjoni waħda ta’ “ftehim”, akkordju ta’ darba. Mela strettament meta jiġi ffirmat akkordju suppost għandu jingħad: “saret ftehima bejn Malta u l-Belġju”.
–  ftehimiet tiġi l-plural ta’ ftehima.

Issa fil-prattika sikwit jiġri li l-azzjoni waħda, li għaliha hemm in-nom tal-unità, titwassal permezz tan-nom verbali. Dan isir għax, fl-aħħar mill-aħħar, meta jseħħ akkordju wieħed, dan ikun twettiq wieħed tal-ftehim inġenerali; ftehim ta’ darba.

Innota li ngħidu wkoll: “wara l-quddiesa ssir il-ġabra” jew “wara l-quddiesa jsir il-ġbir”, għax kull “ġabra” hi każ wieħed ta’ “ġbir”.

L-istess ġara fil-każ ta’ “ftehim”. Meta xi ġurnalisti bdew jużaw in-nom verbali (ftehim) flok in-nom tal-unità (ftehima) għal azzjoni waħda (eż. “ġie ffirmat ftehim” flok “ġiet iffirmata ftehima”), ma kien ġara xejn u kulħadd fehemhom. Imma mbagħad meta ġew bżonn il-plural, sabu ruħhom fi sqaq. Kieku kienu użaw “ftehima”, allura kienu jkunu jistgħu jużaw il-plural “ftehimiet”. Minflok hekk, xi wħud biddlu l-istruttura tal-kelma għax bdew jużaw “ftehim” (li hija singular) bħala plural, f’espressjonijiet li mhumiex grammatikalment korretti, bħal: “ġew iffirmati żewġ ftehim” (flok “żewġ ftehimiet”). B’hekk ħarġu b’nom verbali li hu invarjabbli, jiġifieri bħal speċi jibqa’ l-istess fis-singular u fil-plural!

U dan mhux ma’ “ftehim” biss, għax sikwit tisma’ xi żarżira bħal: “Se jkun hemm ħames ġbir” minflok “Se jkun hemm ħames ġabriet”.


L-istess ħaġa tgħodd għal: tkabbir – tkabbira – tkabbiriet. Dawn ukoll huma grammatikalment korretti, u fil-fatt joffru l-medda kollha tal-forom meħtieġa.
 
Għax il-lingwa bħan-natura, meta tbagħbas iżżejjed magħha taf tagħtik it-tagħlima tagħha. Bil-kwiet.

 

Trid taqra aktar?

In-nomi verbali jġibu ruħhom bħall-kollettiv. Dawn huma ftit eżempji:

 

Kollettiv
(Nom tat-Tip)
 Nom
tal-Unità
 Plural
Magħdud
ful fula fuliet
bini binja binjiet
injam injama injamiet
briks briksa briksiet

 

Kompli aqra fuqhom mill-ktiba “The Collective in Maltese” (M. Mifsud).

Il-plural tad-diminuttiv (li jagħti l-idea ta’ ċokon jew ħlewwa) huwa argument interessanti.

Id-diminuttiv maskili (eż. ktejjeb) jidher li ma għandux forma plurali.

Fl-istess ħin, id-diminuttiv femminili (eż. tfajla) jieħu l-plural normali ta’ ħafna nomi li jispiċċaw bl-a, jiġifieri -iet (eż. tfajliet).

Imma, b’kumbinazzjoni, il-forma 12vjjv3, li taqdi lid-diminuttiv maskil (bħal ktejjeb), tintuża wkoll għal waħda mill-forom komuni tal-plural miksur (eż. ħuġġieġa/ħġejjeġ, storja/stejjer). Forsi l-eżempju klassiku hawnhekk huwa tal-kelma rħajjel li, kif jixhdu d-dizzjunarji tal-Malti, fl-imgħoddi ntużat kemm fis-sens diminuttiv ta’ “raħal żgħir, hamlet” kif ukoll fis-sens plurali ta’ “rħula”, kif jużaha Mikiel Anton Vassalli meta jiddeskrivi z-zoni djalettali bħala l-irħajjel [= l-irħula] ta’ fuq, l-irħajjel t’isfel, eċċ.

Għax il-lingwa għandha l-ekonomija tagħha, u mhux rari li tuża l-istess forma għal żewġ funzjonijiet differenti jew iktar (eż. 12ā3 tintuża (1) bħala plural: twil/twal, sabiħ/sbieħ, (2) għad-9 forma verbali: huwa twal, sbieħ, ċkien, (3) bħala nom verbali: ħlasħsad, skiet).

L-użu doppju tal-forma 12vjjv3 jispjega għaliex nużaw ktejjeb mhux biss bħala diminuttiv, imma wkoll (la għandha anke l-użu ta’ plural) bħala “plural tagħha stess”! U hu għalhekk li qatt ma nħass il-bżonn ta’ plural tad-diminuttiv maskil: l-ewwel nett għax aktarx huwa każ ftit rari li niġu bżonnu, u t-tieni għar-raġuni li ddiskutejna hawn fuq.

U għalhekk il-Malti jżomm l-istess forma għall-plural ukoll, li taf ma tkunx komda meta tismagħha għall-ewwel darba:

eż. xtrajt erba’ ktejjeb, ġew biss xi seba’ tfajjel, daħlu ftit xwejjaħ.

Issa hawn qed nitkellmu biss fuq id-diminuttiv tan-nom. Għax ma rridux ninsew li fuq l-istess forma nibnu diversi aġġettivi, bħal fqajjar, sbejjaħ, eċċ. Imma hawn il-problema ma teżistix, għax faċli nżidu l-plural komuni tal-partiċipji/aġġettivi -in bil-varjant -a, u jkollna fqajrin, sbejħin jew fqajra, sbejħa. U ngħidu: rgħajja fqajrin, persuni sbejħa. Dawn huma aċċettabbli aktar għal ħafna.

Issa jidher li din il-pluralizzazzjoni tal-aġġettivi diminuttivi ma tistax tissuġġerilna li nużaw l-istess soluzzjoni għall-plural tan-nomi diminuttivi. Jekk nieħdu l-istess sentenzi li tajna hawn fuq bħala eżempji, ikollna xi ħaġa bħal: *xtrajt erba’ ktejbin, *ġew biss xi seba’ tfajlin, *daħlu ftit xwejħin/xwejħa, li ma jdoqqux, anke għaliex -in/-a huwa plural rari ħafna man-nomi (eż. qaddisin, qassisin, snin).

Kif qed naraw, il-lingwa magħmula minn bosta sistemi u sottosistemi moħbijin li mbagħad fil-wiċċ jiddeċiedu xi jkun aċċettabbli għall-kelliem u s-semmiegħ.

Prof. Manwel Mifsud

Il-kelmiet għads u għadis huma t-tnejn nomi verbali tal-verb għodos.

Kull verb jista’ jkollu 2 nomi verbali differenti, eż. tilef: telf/telfienħarat: ħart/ħrit.

Daqstant ieħor għodos jista’ jkollu 2 nomi verbali:

1. għads (1v23, eż. talb, telf, serq, ħart, mard);

2.  għadis (1v2ii3, li fil-fatt huwa l-varjant ta’ 12ii3, u li nsibuh meta 1 tkun  – mela, qbiż, żfin, ħbit IMMA għemil, għorik, għasir).

 

Naturalment, iż-żewġ nomi verbali jagħtuna l-istess nomi verbali tal-unità:

1. talb/talba, telf/telfa

2. għemil/għamla, għorik/għarka;

Mela, fil-każ tagħna – 1. għads/għadsa 2. għadis/għadsa.

 

U għalhekk:

għads, nv. (nv.u. għadsa)……   għadis, nv. (nv.u. għadsa)……

Prof. Manwel Mifsud

Jehdew u jedhew it-tnejn jeżistu u għandhom tifsira differenti minn xulxin.

Il-verb jehdew (mamma: heda) tfisser: jieqfu milli jkunu qed jagħmlu, jikkalmaw.

Il-verb jedhew (mamma: deha) tfisser: jgħaddu ż-żmien f’xi ħaġa.

Olvin Vella

Fil-Malti huma ħafna n-nomi li jieħdu iktar minn plural wieħed, u spiss dawn ikunu wieħed plural sħiħ u l-ieħor plural miksur.

Fost dawn in-nomi nsibu wħud ta’ nisel Semitiku (bħal triq: triqat/toroq) u ħafna ta’ nisel Rumanz (bħal bolla: bolli/bololkaxxa: kaxxi/kaxex). Ma’ dawn tal-aħħar tista’ żżid ingravata, li għal xi wħud għandha l-plural sħiħ ingravati waqt li għal xi oħrajn tieħu l-plural ingravajjet.

Il-kelma ingravati hija plural sħiħ biż-żieda tas-suffiss -i.

Il-kelma ingravajjet hija plural miksur “b’differenza”, għax fil-fatt tixbah il-plurali miksurin bħal ħġejjeġ, ftajjar, imma fuq quddiem, minflok 2 konsonanti (bħal: ħġ-, ft-), għandha 2 sillabi sħaħ (ingrav-). Dan huwa tip ta’ plural li nsibuh biss mal-kliem ta’ nisel barrani, u li ġie żviluppat biex il-plural miksur seta’ jibqa’ jaħdem anke fuq kliem li kien twil wisq u li ma kellux 3 konsonanti biss jew 4. (Għal diskussjoni ċara fuq dawn in-nomi, ara: Loan Verbs in Maltese, pp. 209-210).

Dwar il-fatt li għandna żewġ plurali, irridu niftakru li sakemm plural ikun użat minn ħafna nies u jkun mibni skont forma aċċettata, dan ma jistax jitqies żbaljat jew ħażin. Għalhekk, m’hemm xejn ħażin fil-fatt li hemm min jgħid ingravati u hemm min ingravajjet, u t-tnejn qegħdin jgħidu plural tajjeb. Kull wieħed minna aktarx juża wieħed minnhom, imma jkun iktar għani fil-vokabolarju tiegħu jekk jitgħallem ukoll il-forma li juża ħaddieħor.

Dan, fl-aħħar mill-aħħar, huwa raġunament ta’ apprezzament tad-diversità, apprezzament li llum ġustament qed isir f’kull qasam tal-ħajja.

Prof. Manwel Mifsud

Fil-Malti, fost is-suffissi tal-plural insibu kemm -iet u kemm -ijiet.

Hemm it-tendenza ġenerali li l-kliem li fis-singular jispiċċa bl-jieħu -iet (eż. ġrajja/ġrajjiet), u l-kliem li jispiċċa b’konsonanti jew b’vokali oħra (barra -a) jieħu -ijiet (eż. missier/missirijiet, torri-torrijiet, soru-sorijiet). Skont din it-tendenza, wieħed għandu jistenna li l-plural ikun ħtiġiet, u fil-fatt issib min jissuġġerilek li tuża ħtiġiet biss.

Imma fil-lingwa hemm iktar minn dinamika waħda, kif fit-temp hemm iktar minn riħ wieħed… u ġieli riħ ikun kontra ieħor u jegħlbu jew jitħallat miegħu. Fil-fatt, fil-Malti hemm ukoll tendenza kurjuża li ċerti zkuk qosra jsibu mezzi biex jitwalu ftit ħalli jlaħħqu ma’ sħabhom u jinħassu iktar regolari. Jista’ jkun li kienet din ir-raġuni għaliex ħafna Maltin il-kelma ħtiġiet donnhom ħassewlha xi ħaġa nieqsa u bdew iżidulha wkoll is-suffiss -ijietħtiġijiet, plural li llum sar bil-wisq iktar popolari.

Ma hemm xejn ħażin f’dan – min juża ħtiġiet u min juża ħtiġijiet. Fil-fatt, it-tnejn meqjusin tajbin.

Prof. Manwel Mifsud

Skip to content