Il-kelma ‘ġiex’ insibuha wkoll f’xi djaletti Għarab, għax mhijiex ħlief inverżjoni (teknikament tissejjaħ metateżi) tal-kelma ‘żewġ’.

Fl-Għarbi tal-Eġittu, ngħidu aħna, jgħidu ‘goż’ (hemmhekk il-ġ jgħiduha g). Fil-Malti jidher li żviluppat b’dan il-mod: *ġewż > *ġież > ġiex. Mhix ħaġa kbira li setgħet ġiet influwenzata mill-kelma ‘xelini’ li quddiemha kienet titqiegħed ta’ sikwit: *ġież+xelini > ġiex xelini.

Bħalma nsibu fid-Deċiżjonijiet 1, il-kelma ‘ġiex’ (bl-ie) tieħu wkoll it-t marbuta ‘ġixt’ (mingħajr ie), ngħidu aħna: ‘ġixt itfal’. Għalkemm din tismagħha ħafna, fil-kitba aktarx li tinħass inqas formali, proprju għax il-forma ‘żewġ’ hi meqjusa standard.

Prof. Manwel Mifsud 

 

Forom ta’ kitba bħal ‘idejH’ u ‘tiegħU’ huma bħall-ħafna drawwiet li kellhom niesna dari biex juru l-vistu meta xi qarib jiġi nieqes. Kienu jaqilgħu l-ħbabat, ma jsajrux imma jieklu dak li jtuhom il-ħbieb, jagħmlu strixxa sewda mal-bieb u ma’ dirgħajhom (l-irġiel), u tant ħwejjeġ oħra. Illum dawn ma jsirux, lanqas biss noħolmu li nagħmluhom, imma dan ma jfissirx li r-rispett lejn il-qraba naqas. Infissru ruħna mod ieħor, b’mod li jaqbel iktar mal-ħajja li ngħixu llum.

L-istess dawn il-forom tal-kitba, mhumiex il-qofol tar-rispett lejn il-ħwejjeġ reliġjużi għeżież. U llum ma nħobbux nagħmluhom, anke għax l-ittri kapitali stess – ejja ngħiduha – bil-mod il-mod forsi għad jiġu mhedda mill-kitba “lajka” u “prożajka” tal-internet.

Fl-istess ħin, inħoss li għandu jkollna rispett sħiħ lejn min għadu marbut magħhom. Għax il-bidla m’għandhiex tkun imposta fuq min ma jħosshiex. Inkunu qed inġegħluh iġib ruħu kontra dak li jħoss – ħaġa li aħna niftaħru li llum ma nħobbux u ma rridux nagħmluha. Għalhekk, min ikun jikkoreġi test reliġjuż bħal dan, naħseb li d-deċiżjoni għandu jiddiskutiha ma’ “sid it-test”, ifakkru li din hi tip ta’ kitba li għoddha nqatgħet u li ma tingħoġobx mill-biċċa kbira kbira tal-qarrejja, imma mbagħad iħalli d-deċiżjoni f’idejh.

Fil-fehma tiegħi, qarrej tal-provi responsabbli għandu jinsisti li jikkoreġi l-iżbalji tal-kitba biss: f’dawn ma jistax iċedi jew jidħol f’kompromessi. Imma fejn jidħlu (a) inkonsistenzi f’xi varjanti u (b) forom bi stil differenti (bħalma qed insemmu), hemmhekk għandu jħalli l-aħħar għażla għal min għaddielu t-test.

Dawn ma jkunux kompromessi ta’ ħsara jew dgħjufija, imma ta’ moħħ miftuħ u liberali.


Prof. Manwel Mifsud

Kull min jiċċaqlaq minn pajjiż fejn ikun joqgħod għal ieħor jissejjaħ migrant.

Jekk narawh ħiereġ minn pajjiżu, insejħulu E-migrant, fejn e- hija varjant tal-prefiss Latin ex-, li jfisser “‘il barra mill-(pajjiż)”.

Jekk narawh dieħel fil-pajjiż, ngħidu li hu IM-migrant, fejn im- hija varjant tal-prefiss Rumanz in-, li jfisser “għal ġol-(pajjiż)”.

Minn Malta telqu bosta emigranti biex isibu xortihom f’artijiet oħra.

Imma Malta​ ​llum​ tilqa’ wkoll xi immigranti li ġew biex isibu kenn jew xorti​ ​ġdida​ f’pajjiżna.

Dawn huma kollha migranti.

 

Prof. Manwel Mifsud

Din hija varjanti ta’ taf li saret aktar komuni man-nies mill-oriġinal tagħha.

Niktbuha ta, mingħajr appostrofu.

Min jippreferi juża l-kelma taf sħiħa, jista’ juża lilha.

Naturalment, meta tkun trid tirreferi għall-prepożizzjoni ta’ (bl-Ingliż ‘of’), l-appostrofu trid tiktbu għax din m’għandhiex x’taqsam mal-kelma li spjegajna qabel. L-appostrofu jirrappreżenta l-konsonanti , li toħroġ f’forom oħra bħal tiegħi (mine) u tagħkom (yours).

Id-dokument Deċiżjonijiet 1 tal-Kunsill tal-Malti stabbilixxa differenza bejn:

(1) frażijiet/idjomi li fihom is-sens ta’ “Alla” (God) għadu ċar meta jingħadu (u f’dawn jinkiteb separat)

[eż. Alla jbierek/jbierku/jberikha; ‘k Alla jrid; eċċ.]. Kif jidher mill-eżempji, dawn huma frażijiet li għadhom jinbidlu skont il-każ (eż. jbierku/jberikha/jberikhom);

(2) oħrajn li fihom dan l-isem donnu ċċajpar fil-frażi u sar biċċa minn kelma waħda sħiħa (u allura l-isem inħall u tinkiteb il-kelma sħiħa bl-ittri -alla- fiha, bl-ewwel ittra fosthom -a- żgħira

[eż. jallaallaħares, mnalla]. Dan il-kliem illum huwa ffossilizzat, jiġifieri ma jinbidel f’xejn qatt. 

Waqt li f’tal-ewwel l-idea ta’ Alla bħala l-ħallieq u l-missier tal-ħolqien għadha ċara u qed tagħti qawwa lil dawn ix-xewqat, f’tat-tieni għoddha ntilfet għalkollox. Xhieda ta’ dan huwa l-fatt li ġieli saħansitra tisma’ lil min juża dawn tal-aħħar magħqudin ma’ xi xewqa ta’ deni jew ħsara, li ma tantx tista’ tintrabat mar-rieda divina! (eż. Jalla taqla’ ċitazzjoni oħra!).

 

Kellna wkoll ismijiet oħra li ġarrbu dan. Ngħidu aħna, in-nomi omm iben huma moħbija, anzi maħlula, fil-kelmiet qodma: jommi (minn ja ommi!) u jabbni (minn ja ibni!), li llum qajla tismagħhom.

Għax l-aqwa ħaġa fil-kliem mhux tant il-ħoss li jagħmlu, imma l-ħsieb li jwasslu.

Prof. Manwel Mifsud

Il-kelmiet bil-modbil-għaqal u bil-għaġla / bl-għaġla niktbuhom dejjem bl-artiklu, mhux kelma waħda.
Bid-Deċiżjonijiet 2 ġie stabbilit li l-kliem kompost mill-Ingliż fil-Malti, dment li ma jkunx hemm kelma jew frażi għalih bil-Malti li tinftiehem, għandu jitħalla miktub kif inhu fl-Ingliż u ma jinkitibx la Maltija. Bi kliem kompost qed nirreferu għal kliem bħal ‘web+site’ u ‘on+line’, li hu magħmul minn aktar minn kelma waħda.
 
Mela li kellna niġu biex nużaw l-ewwel kelma, niktbu ‘website’ (inħalluha bl-ortografija Ingliża). Madankollu, għal din il-kelma għandna diġà sit jew sit elettroniku li huma stabbiliti u jinftiehmu. U għalhekk tajjeb li nużaw xi waħda minnhom, ngħidu aħna: ‘Il-Ministeru nieda sit ġdid’.
 
L-istess għat-tieni kelma – niktbu ‘online’, bl-ortografija Ingliża. Anzi, hawn ukoll f’għadd ta’ kuntesti bil-Malti spiss ninqdew tajjeb b’aġġettivi oħrajn li għandna, bħal: elettroniku/adiġitali jew, saħansitra, bi frażijiet bħal: fuq l-internet jew mill-internet. U l-kelma komposta ‘online’ ma jkollniex bżonnha. Dawn huma tliet eżempji komuni kif nistgħu nużawhom:
1. Tnediet sistema elettronika ġdida għall-ħlas tal-liċenzji tal-karozzi
2. Tista’ tapplika għas-servizz mill-pjattaforma diġitali li tfasslet apposta
3. Ilbieraħ ħdimt mid-dar u bgħattilhom ix-xogħol fuq/mill-internet
 
Naturalment, din ir-regola tgħodd għal kliem kompost komuni ieħor, bħal ‘Chairperson’, li wkoll minflokha f’xi kuntesti tista’ tintuża ‘President/a’ (ngħidu aħna, ta’ kumitat ta’ għaqda jew każin). Ma niktbux ‘Ċerpersin(s)‘. Il-kliem kompost li tikteb bl-Ingliż, għax ma jkollniex kliem ieħor għalih, bħal roundabout u air conditioner, m’hemmx bżonn timmarkah bil-“virgoletti” jew bil-korsiv.

Il-kelma oriġinali kienet ĠOLĠOL (kif inhi fl-Għarbi) imma fil-Malti saret dik li nsejħulha dissimilazzjoni, li biha L-L nbidlu f’N-L u saret ĠONĠOL, bil-plural ĠNIEĠEL

L-istess bħal: ĠULĠLIEN > ĠUNĠLIEN.

Prof. Manwel Mifsud

ĦODON tfisser l-ispazju ta’ bejn is-sider u d-dirgħajn magħqudin quddiem – minn hemm joħroġ il-verb ĦADDAN, li jfisser “żamm lil xi ħadd ma’ sidru filwaqt li dawru b’dirgħajh, għannqu”.

Imma ĦODON tirreferi wkoll għal kwantità, eż. ħodon silla = daqskemm tista’ tħaddan. Minn hemm, l-espressjoni “bil-ħodon” ġiet tfisser “bil-ħafna, bil-kwantità”. Fil-fatt, id-dizzjunarju ta’ Aquilina jagħti sewwasew l-espressjoni “xita bil-ħodon” u jfissirha “heavy rainfall/downpour”.

Prof. Manwel Mifsud

Il-verb MAXTAR huwa interessanti ħafna.

Għalkemm illum jista’ jitqies bħala kwadrilitteru, mhuwiex ta’ nisel Għarbi imma ġej mill-Isqalli MANGIATURA (fit-Taljan, ‘mangiatoia’) li tfisser ‘post fejn jieklu l-annimali’.

Bit-twaqqigħ tal-vokali -a-, il-kelma saret *MANĠTURA u mbagħad MAXTURA, kelma li fil-Malti għadha tintuża, għalkemm illum aktarx nisimgħuha biss fl-istorja tal-Milied.

Minn MAXTURA mbagħad issawwar il-verb kwadrilitteru MAXTAR, bit-tifsira “tiekol bħall-annimali, bil-ħatfa, bla etikett”. Interessanti li, għalkemm fl-aħħar mill-aħħar dal-verb ġej minn MANGIARE ‘tiekol’, minħabba li ħareġ direttament minn MAXTURA ħa dan is-sens peġġorattiv ta’ li tiekol bil-goff, bil-għaġla u bla manjieri.

Kos, kull kelma jista’ jkollha storja qadima, imħawra bi żviluppi u tifsiriet kurjużi… is-seħer tal-lingwa!

Prof. Manwel Mifsud

L-aċċent (`) – mhux l-appostrofu (‘) – fil-Malti jintuża biss biex juri fejn jaqa’ l-ħoss.

Mela l-kelma kafè tieħu l-aċċent għax dan jaqa’ fuq it-tieni sillaba (ka+), imma te hija monosillabika (kelma b’sillaba waħda) u, allura, m’hemmx bżonn nuri fejn jaqa’ l-aċċent għax huwa ovvju li jaqa’ fuqha stess. Bħalha għandna l-kelma re, ngħidu aħna.

 

Fil-Malti nsibu aċċent wieħed biss (`). L-aċċent bil-maqlub (´), fil-Malti ma jintużax. Mela niktbu realtà (mhux realtá). Biex tikteb vokali aċċentata fil-Malti, aqleb il-Language Bar tal-kompjuter tiegħek għall-Malti (ML/MLT) u agħfas il-buttuna ‘Alt Gr’ + il-vokali li trid. Għal tagħrif ieħor, ara dan il-manwal (p. 3).

Il-forom ‘agħtini’ u ‘tini’ tajbin it-tnejn. L-istess ‘agħtihom’ u ‘tihom’ jew ‘intuh’ u ‘nagħtuh’.

Xi wħud jikkoreġu l-forom imqassra għax jorbtuhom ma’ diskors informali. Imma dawn għandhom storja twila.

Biżżejjed niftakru fl-innu sabiħ ta’ Dun Karm ‘Tina l-ħlewwa tal-ilsna tas-sema’ jew il-kanzunetta magħrufa ta’ David Azzopardi ‘Tini jdejk’.

Dr Olvin Vella 

L-ismijiet tal-qaddisin huma interessanti, iktar u iktar għax ma waslulniex kollha fl-istess żmien.

Hemm qaddisin “qodma” fil-kuntest Malti, u fl-ismijiet ta’ dawn aktarx insibu Santa (ġieli mqassra Sant’) għal mara. Għal raġel insibu San quddiem isem jibda b’konsonanti waħda, u Santu quddiem (a) isem jibda b’2 konsonanti jew (b) b’vokali, u allura titqassar Sant’.

Għalhekk insibu: Santa Kjara, imma Sant’AnnaSant’Orsla.

U fost l-irġiel:

  • San Pawl, San Pietru, San Ġorġ, San Tumas
  • Santu Spirtu, Santu Kruċ, Santu Spirtu, Santu Rokku (ippronunzjat Santu Rrokku, kif issibu wkoll fl-Isqalli), Santu Wistin (minn Sant’Agustin)
  • imma Sant’Antnin, Sant’Anton, Sant’Andrija, Sant’Ambroġ, Sant’Iermu, Sant’Anġlu
  • (Insibu wkoll: San Alwiġi, San Anard, San Anastasju, San Elija, San Injazju, San Iżakk… – suġġett li għadu qed jistenna iżjed riċerka)

Dan jidher li kien wirt tal-influwenza Sqallija fil-Malti.

Mid-dehra, iktar tard (u aktarx qabel l-Ingliżi f’Malta) is-sistema bdiet tillivella dawn il-varjetajiet (l-iktar fl-użu uffiċjali) għal 2 forom bażiċi: San għal raġel u Santa (xorta mqassra Sant’ quddiem vokali, kif nagħmlu bi kliem bħal ta’/t’April) għal mara.

Xi Santujiet qodma u ffossilizzati baqgħu, oħrajn inbidlu jew hemm min qed jibdilhom. Il-każ ta’ Sant’Anton/San Anton huwa propju dan.

Fir-riċerka tal-għeruq ġenwini tagħna, għandna nduru u nistaqsu lill-poplu tal-post. U jidhirli (imma ma nistax inkun żgur bla riċerka) li r-riżultat iressaqna lejn Sant’Anton. U dan m’iniex qed ngħidu għax jien ngħid hekk.

Prof. Manwel Mifsud

Iktibha dejjem bl-artiklu. Issegwi mudell tal-avverb Malti li jinbena: bil- + nom/aġġ. bħal, ngħidu aħna, bil-kalma, bil-ħlewwa, bil-qawwi, bilwieqfa, u l-bqija.

Dan huwa wieħed mill-verbi kurjużi tal-Malti, għaliex huwa magħmul minn żewġ kelmiet, ħaġa li fil-grammatika Maltija ma tantx insibuha.

Innota din is-sentenza: Dan is-siġġu m’għandix x’nagħmel bih. Issa l-kelmiet nagħmel bih inħatfu u tqassru, u bdejna ngħidu xi ħaġa hekk: m’għandix x’nagħm(el)-bih (= nam.bih).

B’hekk inħoloq verb ġdid li jintuża biss fin-negattiv u dejjem bil-pronom mehmuż, f’din l-espressjoni m’għandux x’jambini (jambikjambih, eċċ.).

Id-dizzjunarju ta’ Falzon (1845; 1882) jagħti wkoll il-forma passiva jixtamba, eż. siġġu li jixtamba (= li ssib x’tagħmel bih, li tista’ tużah għal xi ħaġa).

F’dizzjunarju għandu jidher bħala: amba (jambi), fejn l-għ oriġinali ta’ għamel tgħib għalkollox.

Prof. Manwel Mifsud

Minn MNEJN (SA)FEJN?

Fl-Għarbi “where? which place?” hija ’EJN? Fil-Malti ngħaqdu u ġew: FEJN (FI + EJN) “in which place?” u MNEJN (MINN + EJN) “from which place?”

U fl-Għarbi wkoll, “what? which thing?” hija EJ-Xej li fil-Malti saret -IEX.

-IEX imbagħad ingħaqdet ma’ xi prepożizzjonijiet u ffurmat: BIEX (BI + IEX) “with what?”, FIEX (FI + IEX) “in what?”, FUQIEX (FUQ + IEX) “on/about what?”, GĦALIEX (GĦAL + IEX) “why?/beacause”, u anke MNIEX (MINN imqassra + IEX) “from what?” fi frażi bħal ‘M’hemmx imniex’ jew, sempliċiment, “Mniex”, għal “You’re welcome”.

Kos, prodott tal-istess nies li kienu jaħdmu l-bizzilla.

 

Prof. Manwel Mifsud

Il-forma ‘jisraqilhom’, flok ‘jisirqilhom’, tinstema’ imma mhix rikonoxxuta fil-grammatika Maltija. Allura jaqbel li ma toħodhiex bħala mudell. Barra minn hekk, ma taħdimx dejjem – ħu l-każ ‘jisirquhielkom’… ma ngħidux ‘jisraquhielkom’.

Mela uża l-mudell ‘jisirqilhom’ u ikteb ‘jibagħtilhom’, u imxi mal-mudell ‘isirqilna’ u ikteb ‘ibagħtilna’.

Ngħidu: rajja f’idejjarajk f’idejkrajh f’idejh, eċċ.

Il-kelma raj hija qadima ħafna u ġejja mill-verb ra. Tfisser viżjoni (jiġifieri “li tkun taf fejn sejjer”).

Fil-poeżiji ġieli ssib il-frażi bla raj, li tfisser “bla direzzjoni, bla opinjoni, ma jafx fejn hu sejjer”.

Fil-ġabra tal-qwiel, Mikiel Anton Vassalli jagħti: Kull ħaj jista’ jkun bla raj (Ogni uomo vivente può essere privo di giudizio, senza senno).

Prof. Manwel Mifsud

Mill-għerq kwadrilitteru ĊKĊK (u onomatopejku, għax jimita l-ħoss veru), għandna dawn il-forom:

ĊEKĊIK (in-Nom Verbali: the act of clicking): instema’ bħal ċekċik minn wara l-bieb

ĊEKĊIKA (in-Nom Verbali tal-Unità: a click): kulma smajt ċekċika waħda u ntfietli l-karozza

ĊEKĊIEKA (in-Nom tal-Aġent femminili, li jintuża għall-għodda: a rattle): it-tarbija waqgħetilha ċ-ċekċieka

In-Nom tal-Aġent fil-femminil, barra li jindika persuna femminili li tagħmel l-azzjoni (ħajjataqaddejja), spiss nużawh biex nindikaw l-għodda: ħabbata (knocker), laqqata (scoop), barraxa (scraper), ċekċieka (rattle) u xi oħrajn.

Prof. Manwel Mifsud

Tajjeb niftakru li dawk li l-Maltin isejħulhom ‘ġbejniet’, Għawdex isibuhom bil-kollettiv ‘ġobon’. Jgħidulek: “Niekol biċċa ħobż bil-ġobon”, jiġifieri bil-ġbejniet. Għalhekk, mill-kollettiv ‘ġobon’ joħorġu l-unità ‘ġobna’ (bl-aċċent djalettali ‘ġibna’), li għall-Maltin hija l-‘ġbejna’. Il-plural huwa ‘ġobniet’ (bl-aċċent djalettali ‘ġibniet’), li allura jiġu l-‘ġbejniet’ tal-Maltin.

Mela r-reklam li fih tingħad il-kelma ‘ġibniet’ qed jivvalorizza l-awtentiċità tal-ġbejna Għawdxija billi jinqeda bil-lingwa tal-lokal.

Prof. Manwel Mifsud

ĊAQLIQ issegwi mudelli oħrajn, bħal: TĦABRIK / ĦABRIEK

ĊAQLIQ hi l-azzjoni (nom verbali) – (suppost TĊAQLIQ, imma t-T tinxtorob fiċ-Ċ, għax ma nistgħux nippronunzjawhom separati u allura niktbu ĊAQLIQ).

ĊAQLIEQ hi min jagħmel din l-azzjoni (in-nom tal-ħaddiem) – fil-fatt, din il-forma ma tantx nużawha.

 

Eżatt bħal ĊAQLIQ għandna każ komuni ħafna:

XANDIR – l-azzjoni (minflok TXANDIR)

XANDAR – il-ħaddiem

 

Problema speċjali ta’ ĊAQLIQ / ĊAQLIEQ hi li, minħabba l-ħoss ta’ Q, iż-żewġ forom jispiċċaw jinstemgħu l-istess. L-istess jiġri fil-każ ta’ Ħ, eż. TISBIĦ (mhux tisbieħ).

Prof. Manwel Mifsud

Il-kelmiet responsabbiltà u responsabilità huma meqjusin tajbin it-tnejn. L-importanti li tagħżel forma minnhom u tkun konsistenti biha fil-kitba tiegħek.

Tal-ewwel (li hi l-iktar mifruxa fit-taħdit) ġiet manipulata iktar, tat-tieni hija prattikament kopja fonetika tal-kelma Taljana.

Doppjetti bħal dawn ma għandhomx jaħsduna jew iħawduna, u jistgħu jkunu r-riżultat kemm ta’ żvilupp intern fil-pronunzja tal-Malti matul iż-żmien, kif ukoll (u forsi iktar) tal-fatt li l-istess kelma setgħet intlaqgħet u ġiet ittrattata b’mod differenti miż-żewġ livelli tas-soċjetà Maltija, il-poplu monolingwi (li japplikalha l-fonetika Maltija) u l-grupp ta’ kultura bilingwi (li allura jaċċettaha kif tkun fil-mudell Taljan).

Il-Kunsill tal-Malti ħatar kumitat li qed jistudja dawn il-varjanti fonetiċi, li fi lsienna mhumiex ftit, bil-ħsieb li jinnota xejriet li jista’ jkun hemm fihom u jasal għal xi forma ta’ gwida fuqhom, bid-Deċiżjonijiet 3. Hawn qed nitkellmu fuq differenzi fil-pronunzja li jaffettwaw il-kitba tal-kelma.

L-imperattiv (il-kmand) fil-Malti jiġi eżatt bħall-imperfett (li ħafna jqisuh il-preżent), imma mingħajr il-prefiss (eż. l-imperfett: jiġri, jaqbeż, iressaq; l-imperattiv: iġri! aqbeż! ressaq!)

Mela anke hawn, li trid tagħmel hu li tieħu l-imperfett taż-żewġ verbi li għandek dubju fihom, u tneħħilhom il-prefiss tal-persuna:

IMPERFETT: huwa jsib        IMPERATTIV:  sib!

IMPERFETT: huwa jbigħ      IMPERATTIV:  bigħ!

Il-forma ‘biegħ’ teżisti fil-Malti, u tirreferi għall-perfett tat-tielet persuna maskili (huwa biegħ li kellu lbieraħ). Bħala mudell tista’ tieħu l-verb ‘ħiet’.

Il-partijiet tal-ġisem fil-Malti aktarx jintużaw fis-singular, anke meta nitkellmu fuq ħafna persuni.

Ir-raġuni hi li s-sintassi Maltija timxi bil-prinċipju ta’ “kulħadd għandu tiegħu” (fit-Taljan, “ciascuno il suo”).

WIĊĊ/WĊUĦ – Ngħidu: Ħasel wiċċu. U xorta ngħidu: Ħaslu wiċċhom (mhux: Ħaslu wċuħhom) għalkemm inkunu qed nitkellmu fuq ħafna. Għax kulħadd ħasel il-wieħed tiegħu.

Għalhekk ħafna plurali tal-partijiet tal-ġisem li nsibu fid-dizzjunarji nħossuhom imqanżħin.

Ngħidu aħna, jien qatt ma ħsibt fil-plural ta’ QADD, għax dejjem smajt: idejha fuq qaddha, nies fuq qaddhom, eċċ. Ma kellix għalfejn ngħid: nies fuq qdudhom/qadidhom/qaddijiethom, għaliex naf li kieku jidħqu bija.

U l-istess l-GĦARQUB – Ngħidu: Ħasel għarqubu (jekk 1) jew għarqbejh (jekk it-2), imma qatt ma ngħidu: Ħaslu għeriqibhom (l-għerieqeb tagħhom!). Ngħidu: ħaslu għarqubhom/għarqbejhom, qishom kienu persuna waħda, għax kulħadd ħasel tiegħu.

Mela għaliex insibu dawn il-plurali kollha bla użu?

Propjament, mhumiex bla użu. Ħafna minn dan il-kliem, kif nafu, għandu iktar minn tifsira waħda għax, mill-parti tal-ġisem jispiċċa jindika xi ħaġa li tixbahha, tifsira metaforika. Ilsien tal-art, xoffa jew widna ta’ kikkra, għarqub ta’ bieb, dahar ta’ siġġu, sieq il-mejda, u tant oħrajn.

U hawn jidħol l-użu tal-plural. Għax għalkemm jien ngħid: Ilsienu twil u lsienhom twil, meta niġi f’dawn l-użi metaforiċi nkun neħtieġ il-plural: dehru ħafna ilsna tan-nar, kosta li għandha bosta ilsna tal-art. Bl-istess mod, jien ngħid: ħakkejt dahri u ħakkew daharhom, imma mastrudaxxa jgħid ukoll “ħdimt dawn id-dahrien għas-siġġijiet”.

U allura l-plurali ma jibqgħux ħolqien bla bżonn, imma jistgħu jkunu ta’ siwi kbir biex inqiegħdu dawn l-użi metaforiċi fil-plural.

Prof. Manwel Mifsud

Ċertu kliem jibqa’ jintuża fil-plural biss, bħal ‘ħwawar’ (sg. ‘ħawwara’) u bħal din il-kelma ‘għelejjel’. Is-singular tagħha huwa ‘għalla’, li (barra l-kuruna tas-serduq) tfisser ‘prodott, dak li jiġi ġġenerat’. Mela ‘għelejjel’ tfisser:prodotti, l-uċuħ tar-raba’.

Idjoma ħarxa hija meta lil xi ħadd issejjaħlu ‘għalla belha’, li tfisser li huwa riżultat/prodott ta’ esperiment li ma rnexxiex. Tgħajjira iebsa ħafna, imma li spiss tintuża mingħajr l-iskop ta’ offiża. 

Ħafna jaħsbuha ‘alla belha’, imma – apparti li m’hemmx rabta bejn alla u l-bluha – il-kelma alla (jew Alla) fil-Malti hija maskili, u allura l-aġġettiv belha ma jmurx tajjeb magħha.

Prof. Manwel Mifsud

Skip to content