Fl-istess Liġi, l-Istat Malti jagħraf li l-ilsien Malti hu espressjoni qawwija tan-nazzjonalità tal-Maltin, u għalhekk jistqarr li għandu jagħtih l-għarfien xieraq u meħtieġ kollu billi jagħraf l-importanza tiegħu fil-prinċipju u fil-prattika u jara li dan l-ilsien ma jitħassarx u ma jintilifx imma jibqa’ magħruf u jservi bħala mezz ta’ rabta bejn il-Maltin.

L-Istat Malti għandu jkun minn ta’ quddiem biex b'kull mezz possibbli, u b'mod konkret u attiv, joħloq l-opportunitajiet kollha possibbli għall-iżvilupp tal-ilsien nazzjonali u jara li jkollu d-dinjità li tixraqlu.

Ix-xogħol primarju tal-Kunsill huwa li jara li dawn l-istqarrijiet legali sbieħ favur ilsienna, ikunu mwettqa u osservati f’kull qasam tal-ħajja Maltija, kemm mis-servizz u s-settur pubbliku kif ukoll mis-settur privat meta jissieħeb fi proġetti pubbliċi magħhom.
Skip to content