Senjaletika direzzjonali u informattiva

Is-senjaletika tat-toroq hi fattur importanti mill-ħajja tagħna ta’ kuljum, mhux biss għax twassalna fejn inkunu rridu mmorru, imma wkoll għax l-impatt viżiv immedjat tagħha jista’ joffri xhieda qawwija tal-karattru lokali tagħna. Għal raġunijiet ovvji marbuta mal-imgħoddi tal-istorja tagħna, it-tabelli direzzjonali u informattivi tat-toroq dejjem kienu jkunu b’lingwa barranija, imma l-Kunsill tal-Malti jemmen li wasal iż-żmien li l-lingwa nazzjonali tingħata l-preċedenza mistħoqqa, kif inhi l-prattika normali fil-pajjiżi Ewropej fejn jintużaw aktar minn lingwa waħda.

L-ismijiet tal-lokalitajiet u l-imkejjen tagħna bil-Malti jagħtu messaġġ ċar u immedjat lit-turisti li jżuruna li huma qegħdin f’pajjiż differenti minn tagħhom, bil-kultura, l-istorja u l-lingwa tiegħu, kif isibu meta jmorru f’pajjiżi oħra – ħaġa li japprezzawha u jsemmuhielna għax biha tabilħaqq jintebħu li niżlu f’art oħra. Aħna sodisfatti li din il-ħaġa l-maġġoranza tal-Maltin b’kariga għolja fl-awtoritajiet ta’ pajjiżna qed jifhmuha u japprezzawha aktar u, għalhekk, jilqgħuha. Transport Malta, ngħidu aħna, għandha rieda tajba u qed tikkopera magħna fuq dan il-proġett nazzjonali.

Il-Kunsill jixtieq li kull turist li jżurna jkollu esperjenza awtentika f’pajjiżna li tqarrbu lejn l-elementi tal-identità tagħna, – ilsienna hu element qawwi tal-identità tagħna, kif jixhed ukoll stħarriġ pubbliku li sar xi xhur ilu. B’hekk inkunu qed insarrfu wkoll fil-prattika l-Politika Nazzjonali tat-Turiżmu.

Fid-dawl ta’ dan kollu, il-Kunsill tal-Malti jemmen li s-sitwazzjoni bilingwi tagħna, kif ukoll il-preżenza u l-ħtiġijiet ta’ ħafna turisti li jżuruna u li jifhmu l-Ingliż, huma fatturi importanti li rridu nikkunsidrawhom. Fil-fatt, il-politika tal-Kunsill hi li kemm jista’ jkun ikollna tabelli bilingwi, kif jidher mit-tabelli l-ġodda.

L-għażla tal-kitba ta’ fuq it-tabelli tiġi ddeterminata mill-isem tal-post partikolari, mingħajr ma tinsa l-limitazzjonijiet reali tal-kobor u ċ-ċarezza  tat-tabella. Madankollu, hemm ftit prinċipji prattiċi li qed jiġu segwiti. Meta l-isem tal-post ikun prattikament l-istess fil-Malti u fl-Ingliż, ngħidu aħna, [Il-Marsa/Marsa], jintuża l-isem bil-Malti [Il-Marsa] kif jafuh u jużawh il-Maltin, u kif jiġri fis-senjaletika ta’ ħafna pajjiżi oħra. Il-forom li huma ftit differenti minn xulxin, pereżempju, [L-Ajruport/Airport] m’hemmx għalfejn ikunu bl-Ingliż jekk magħhom jiżdied simbolu internazzjonali standard [ L-Ajruport]. Din il-ħaġa ssibha wkoll f’pajjiżi Ewropej oħra għax is-simboli huma elementi internazzjonali li jinftiehmu mill-ewwel. Meta l-forma bl-Ingliż tkun għalkollox differenti mill-forma Maltija, jidhru ż-żewġ forom, u l-Malti jingħata l-ewwel, eż. Għawdex (Gozo); Raħal Ġdid (Paola); Il-Furjana (Floriana), eċċ. Barra minn hekk, it-taqsira tal-ismijiet qed tkun evitata għax f’tabella uffiċjali jixraq li nirrispettaw dejjem il-forma sħiħa tal-isem, ngħidu aħna, [Marsaxlokk] u [Birżebbuġa] mhux [M’Xlokk] u [B’Buġa]. It-taqsiriet jintużaw fis-sinjali biż-żebgħa ta’ mal-art minħabba l-limitazzjoni ta’ spazju li hemm fid-djuq tal-korsija tat-triq.

Nemmnu li din hi sistema prattika u eleganti li biha l-ismijiet tal-lokalitajiet u l-inħawi ta’ Malta u Għawdex jingħataw id-dinjità li jixirqilhom. Hija wkoll konformi mas-sistema tas-senjaletika użata fil-pajjiżi Ewropej li għandhom sitwazzjoni bilingwi bħal tagħna (bħall-Irlanda, l-Iskozja, Wales, inħawi fil-Belġju, u xi postijiet f’Bolzano, l-Italja), jew saħansitra multilingwi (bħal xi nħawi fit-Turkija u fin-Norveġja, kif ukoll f’Barċellona) fejn jużaw tliet lingwi fit-tabelli tagħhom. Biex ma nsemmux ukoll pajjiżi oħra li mhumiex Ewropej, bħall-Kanada u New Zealand, li wkoll jużaw aktar minn lingwa waħda fit-tabelli tagħhom.

L-ismijiet sħaħ tal-lokalitajiet b’sodisfazzjoni jintużaw fis-sit tal-Awtorità Maltija tat-Turiżmu, visitmalta.com, u fis-sit tal-Maltapost. Barra minn hekk, anke xi mapep elettroniċi u oħrajn tal-GPS jużaw dawn l-ismijiet. Il-Kunsill tal-Malti ltaqa’ wkoll mal-kumpaniji lokali ewlenin tal-mapep biex fihom jintużaw ukoll l-ismijiet sħaħ bil-Malti u biex fejn hemm ismijiet b’żewġ verżjonijiet jingħataw it-tnejn.

Il-Kunsill tal-Malti huwa membru tal-EFNIL, il-Federazzjoni Ewropea tal-Kunsilli u l-Istituzzjonijiet Nazzjonali tal-Lingwi tal-Ewropa. Dawn kollha ssibilhom kumitat li jieħu ħsieb l-ismijiet tal-inħawi (toponimi) tagħhom li l-gvernijiet jikkonsultawhom biex jinżammu l-istandards meta jużaw l-ismijiet f’postijiet pubbliċi. Il-Kunsill qed jagħmel din il-ħaġa wkoll billi jżomm kuntatt mad-Dipartiment tal-Gvern Lokali, il-kunsilli lokali, Transport Malta, ir-Reġistru Pubbliku u l-Uffiċċju Elettorali, il-MEPA u entitajiet oħra konċernati.

Tajjeb insemmu li dan il-proġett huwa biss wieħed f’sensiela. Qed naħdmu wkoll fuq it-tabelli tal-isptar Mater Dei u taċ-ċentri tas-saħħa li s’issa ħafna minnhom kienu bl-Ingliż biss. Hawn ukoll jixraq li l-Malti jkun preżenti dejjem mal-Ingliż.

Determinati li nkomplu naħdmu biex il-Malti jikseb il-pożizzjoni uffiċjali u nazzjonali li tixraqlu, kif stabbilita fil-Kostituzzjoni. Dan hu d-dmir tagħna u d-dritt ta’ lsienna.