Il-Kors fil-Qari tal-Provi bil-Malti

Fi Frar li ġej (2024), id-Dipartiment tal-Malti fl-Università ta’ Malta u l-Kunsill tal-Malti se jiftħu d-dsatax-il kors fil-qari tal-provi bil-Malti. Dan il-kors popolari (MQF 5), hu twil sena (Frar 2024 – Jannar 2025) u l-lezzjonijiet tiegħu jsiru darbtejn fil-ġimgħa, nhar ta’ Tnejn u Ħamis, mill-5.30pm sat-8.30pm. Il-lezzjonijiet tal-kors bħalissa qed isiru kollha online u l-eżamijiet isiru fil-klassi.

Minbarra li jħarrġek u jgħinek tirrevedi l-grammatika u l-ortografija tal-Malti biex tirfina l-kitba tiegħek, dan il-kors jagħtik ukoll iċ-ċans tiddiskuti u tifhem aħjar ir-regoli tal-kitba tal-Malti. Għal dan il-għan jinkludi kemm lezzjonijiet prattiċi ta’ korrezzjoni, kif ukoll sessjonijiet fuq il-kitba u t-tiswija tal-Malti bil-kompjuter.

Huwa kors imfittex ħafna minn dawk kollha li jużaw il-Malti f’xogħolhom u fil-pubblikazzjonijiet, bħalma huma l-impjegati tad-dipartimenti tal-gvern, bħall-kunsilli lokali u entitajiet oħra tas-servizz pubbliku, l-impjegati tas-settur privat li jaħdmu f’kumpaniji, banek u aġenziji tal-assigurazzjoni fejn jintuża l-Malti miktub, dawk li jaħdmu fil-parroċċi, is-segretarji tal-iskejjel, l-għalliema tal-Malti u ta’ suġġetti oħra, dawk li jaħdmu fl-istamperiji, il-ġurnalisti u x-xandara (gazzetti, internet u televiżjoni), l-awturi u l-pubblikaturi, it-tradutturi, u kull min jixtieq jikteb il-Malti b’aktar kunfidenza.

Għal tagħrif dettaljat, idħol hawn. L-applikazzjonijiet jiftħu kull sena f’Diċembru mis-sit tal-Università.

Ara x’qalu fuq il-kors uħud minn dawk li temmewh b’suċċess:

Previous slide
Next slide