Parteċipazzjoni fl-EFNIL

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti ilu membru attiv tal-Federazzjoni Ewropea tal-Istituzzjonijiet Nazzjonali tal-Lingwa (EFNIL) sa mit-twaqqif tiegħu fl-2005. Din il-Federazzjoni tiġbor fiha l-istituzzjonijiet nazzjonali tal-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u ta’ lingwi oħra Ewropej.

Bis-saħħa ta’ din is-sħubija, il-Kunsill tal-Malti jibqa’ aġġornat mal-istrateġiji tal-politika lingwistika li jkunu qed jiġu diskussi u adottati f’pajjiżi Ewropej oħra u jaqsam l-ideat u l-prattiċi lingwistiċi tiegħu magħhom.

Din is-sħubija tqarribna wkoll ma’ lingwisti u akkademiċi mill-qasam tal-politika lingwistika u tgħinna niżviluppaw aħjar l-istrateġija lingwistika lokali. Dan nagħmluh b’kuntatt dirett magħhom, f’laqgħat u f’konferenzi, kif ukoll bi ġbir ta’ statistika li tgħinna nqabblu s-sitwazzjoni lokali ma’ ta’ pajjiżi Ewropej oħra.