Korsijiet għall-għalliema f’Għawdex

Saru żewġ korsijiet għall-għalliema f’Għawdex bil-parteċipazzjoni ta’ madwar 60 għalliem. Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti, u t-Taqsima tal-Malti tad-Dipartiment tat-Tmexxija tal-Kurrikulu, bi sħab mal-Kulleġġ ta’ Għawdex, stiednu lill-għalliema kollha li jgħallmu fl-iskejjel primarji u sekondarji tal-Istat, tal-Knisja u Indipendenti għal kors ta’ aġġornament fuq bażi volontarja.

Il-kors, L-Ortografija tal-Malti 1, hu maħsub għal dawk li jħossu l-ħtieġa li jsaħħu l-għarfien tagħhom fil-kitba bil-Malti. Fil-kors l-għalliema jkollhom opportunità tajba biex jistaqsu d-diffikultajiet tagħhom.

Il-korsijiet saru fiċ-Ċentru għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura (Wied il-Lunzjata) ir-Rabat, Għawdex u kienu jikkonsistu fi tnax-il siegħa ta’ tagħlim.