Is-Senjaletika fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija

 

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti jemmen ħafna li l-Malti jeħtieġ ikun aktar viżibbli madwarna u impenja ruħu li jibqa’ jaħdem biex dan il-għan nazzjonali jintlaħaq. Fil-fatt fl-aħħar xhur rajna, u qed inkomplu naraw, żviluppi interessanti fejn tidħol is-senjaletika pubblika, speċjalment fit-toroq.

Però, il-Kunsill ma waqafx hemm. F’Diċembru nfetaħ iċ-Ċentru tal-Onkoloġija ‘Sir Anthony Mamo’ b’tabelli bilingwi, li saru b’kollaborazzjoni mal-Kunsill sa mill-bidu nett. Il-Kunsill ra li dawn it-tabelli jsiru mhux biss b’ortografija tajba, imma wkoll skont l-istandards għas-senjaletika mfassla mill-istess Kunsill.

Il-Kunsill jipprova jkun proattiv billi jieħu nota ta’ proġetti ġodda li jkunu se jsiru. Fl-istess ħin, però, min ikollu bżonn għajnuna jew gwida fuq tabelli u sinjali bilingwi ġodda f’postijiet pubbliċi, inħeġġuh ma jiddejjaqx jikkuntattjana.