- Xogħol ieħor tal-Kunsill tal-Malti hu li jistudja l-problema tal-varjanti fonetiċi, jiġifieri każi fejn kelma waħda jkollha iktar minn pronunzja waħda fil-Malti Standard (eż. probabbiltà/probabilità, purċissjoni/proċessjoni). M’aħniex ngħidu għad-djaletti.
- Fi ftit każi, waħda biss mill-forom tkun tajba. Imma l-biċċa l-kbira ta’ dawn il-varjanti jkunu tajbin u juru l-varjetà lingwistika tal-Malti. Għalhekk ta’ min jibża’ għalihom.
- Madankollu, jibqa’ l-fatt li fil-prattika tal-kitba u t-tiftix bil-kompjuter, il-varjanti jtellfu mhux ftit, l-aktar fejn tkun importanti l-uniformità.
- Huwa għalhekk li xi kumpaniji tat-traduzzjoni jew tal-pubblikazzjoni jiddeċiedu li jagħżlu dejjem forma partikolari u jwarrbu l-oħrajn, avolja jkunu tajbin.
- Il-Kunsill qed jiġbor lista twila tal-varjanti fonetiċi bil-ħsieb li jippreżentaha fix-xhur li ġejjin ħalli kulħadd ikun jista’ jaraha.
- Jekk int tixtieq twasslilna fehmtek dwar dawn il-varjanti wkoll, tibqax lura. Iktbilna u tkun qed tgħin biex jittieħdu d-deċiżjonijiet meħtieġa.
