Fl-2005 twaqqaf il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti (KNM). Skont Kap. 470 tal-Liġijiet ta’ Malta, Att dwar l-Ilsien Malti, 2004, Taqsima II 5(2), issa huwa l-KNM li għandu jagħmel kull aġġornament li jkun meħtieġ fl-ortografija ta’ lsienna, u li minn żmien għal żmien, skont il-ħtieġa, għandu jistabbilixxi l-mod kif irid jinkiteb il-kliem ġdid fil-Malti u l-kitba korretta ta’ kliem u frażijiet li jidħlu fil-Malti minn ilsna oħra. Għaldaqstant, l-ewwel biċċa xogħol tal-KNM kienet li jidentifika l-akbar problemi jew sfidi kontemporanji tal-ortografija tal-Malti. Dawn huma l-varjanti ortografiċi, il-kitba tal-kliem Ingliż fil-Malti u l-varjanti fonetiċi. L-ewwel ma ffoka l-Kunsill kien fuq il-varjanti ortografiċi. Dawn huma dak il-kliem li minkejja li jkun ippronunzjat bl-istess mod, madankollu jkollu aktar minn mod wieħed kif jinkiteb. Xi drabi dawn il-forom alternattivi jistgħu jkunu ta’ tfixkil għal kull min jikteb bil-Malti minħabba li joħolqu nuqqas ta’ konsistenza fl-ortografija.

Il-KNM beda billi ġabar lista ta’ dawn il-varjanti u tellagħha fis-sit tiegħu biex kulħadd ikun jista’ jaraha u jikkummenta dwarha. Din il-lista ġabarha minn fost l-għalliema u t-tradutturi tal-Malti, fost l-oħrajn, li kienu talbu lill-Kunsill biex jagħmel il-ħajja eħfef u jnaqqas il-varjanti ortografiċi. Wara din il-fażi kien imiss il-fażi ta’ konsultazzjoni ma’ bosta persuni li jaħdmu f’xi qasam jew ieħor tal-Malti, fosthom, għalliema, kittieba, studjużi, tradutturi u pubblikaturi. Dawn intalbu jagħtu fehmithom fi ktiba. B’kollox il-Kunsill irċieva 33 ktiba li ġew ippubblikati fi ktieb apposta. Dawn il-ktibiet servew ta’ bażi għal seminar nazzjonali li sar fl-20 ta’ Jannar 2007. Wara din il-fażi ta’ konsultazzjoni wiesgħa l-Kunsill ħatar Kumitat ta’ esperti biex jiflu l-varjanti u l-fehmiet kollha li kienu ngħataw fuqhom u biex fl-aħħar jaslu għad-deċiżjonijiet meħtieġa u tant mistennija. Dan il-Kumitat kien kompost minn dawn il-membri: il-Prof. Albert Borg (il-Koordinatur tal-Kumitat), Dr George Farrugia (is-Segretarju tal-Kumitat), is-Sur David Agius Muscat MA, il-Prof. Charles Briffa, il-Prof. Joseph M. Brincat, il-Prof. Ray Fabri, il-Prof. Manwel Mifsud, is-Sur David Muscat BA, PGCE, u tliet konsulenti, is-Sur Carmel Azzopardi MA, is-Sur Joe Caruana MSc u s-Sa Maria Ferstl Mag.phil, ilkoll nies ikkwalifikati fil-Malti u fit-traduzzjoni.

Il-Kumitat għamel 30 laqgħa ta’ madwar tliet sigħat il-waħda biex jiddiskuti dawn il-varjanti. Fid-diskussjonijiet tagħhom il-membri tal-Kumitat dejjem żammew quddiem għajnejhom il-bosta prinċipji differenti li jsawru l-ortografija tal-Malti, ewlenin fosthom, il-prinċipju fonetiku, il-prinċipju fonoloġiku, il-prinċipju etimoloġiku u l-prinċipju morfoloġiku. Għaldaqstant l-għażla finali tal-verżjoni magħżula kienet raġunata u meqjusa biex kemm jista’ jkun ma tkunx arbitrarja. Il-Kumitat ippreżenta rapport dwar id-deċiżjonijiet tiegħu lill-KNM u dan approva dan ir-rapport b’mod unanimu fil-laqgħat tat-12 u s-16 ta’ Ġunju 2008. Dan ir-rapport ġie ppubblikat fi ktejjeb bl-isem ta’ Deċiżjonijiet 1.

Dawn id-deċiżjonijiet saru uffiċjali bil-pubblikazzjoni tagħhom fil-Gazzetta tal-Gvern, ħarġa numru 18,286, tal-25 ta’ Lulju 2008. Ingħata perjodu ta’ tliet snin li matulu l-varjanti li kienu se jitwarrbu baqgħu jitqiesu korretti sakemm jindraw mill-pubbliku. F’dawn it-tliet snin, il-Kunsill għamel numru kbir ta’ laqgħat ma’ diversi nies u entitajiet li jużaw il-Malti f’xogħolhom, primarjament max-xandara u l-ġurnalisti tal-gazzetti u l-istazzjonijiet, l-għalliema kollha ta’ Malta u Għawdex, u l-pubblikaturi. Membri mill-Kunsill ħadu sehem ukoll f’diversi programmi tar-radju u t-televiżjoni li matulhom kellhom l-opportunità jispjegaw dawn id-deċiżjonijiet lill-pubbliku. Kull min xtaq kopja tar-regoli, intbagħtitlu bla ħlas. Id-dokumenti ttellgħu f’format pdf fis-sit tal-Kunsill biex ikunu aċċessibbli minn kulħadd, minn kullimkien. Mill-2010 bdew jitqiesu tajbin il-forom magħżula biss.

Deċiżjonijiet 1

Rapport sħiħ

Deċiżjonijiet 1

Lista alfabetika
Skip to content