Mibegħda hija nom verbali li għandu l-forma ta’ nom mimmat (għax jibda bil-m). Mela għandu l-istess forma ta’ midħla, mitħna, miżbla.

Kif qed tara, hawnhekk it-tliet konsonanti tal-għerq jaħbtu wara xulxin. IMMA, minħabba li f’dan il-każ il-konsonanti tan-nofs hija għ (li titlob vokali magħha, bħall-konsonanti likwidi), ġiet bżonn il-vokali tal-leħen e. Għalhekk saret: mibegħd(flok *mibgħda, li ma tistax tippronunzjaha).

Bħalha eżatt iġibu ruħhom kelmiet bħal: mikinsa (xkupa), maħanq(ilbies li joħnoq, bħal ingravata), mixegħla. Il-pożizzjoni tan-n (f’mikinsa u maħanqa) turik li l-għ għandha tiġi WARA l-vokali.

Prof. Manwel Mifsud

Dil-kelma spiss ifixkluha għax fis-singular tinkiteb bil-vokali wara l- u fil-plural bil-vokali qabilha.

Bħala mudell biex tiktibha tajjeb, tista’ tieħu “wiżna”. Mela:

wiżna > ġimgħa

wiżintejn > ġimagħtejn

Ngħidu lejla, li bit-ta marbuta tiġi lejlet, imma li aktarx nisimgħuha lejlit il-festa (= il-lejla tal-festa), tant li ħafna jaħsbu li għandna niktbu “lejliet il-festa”, meta fil-fatt naqblu lkoll li nkunu qed nitkellmu fuq lejla waħda. Il-kelma lejliet (bl-ie) tintuża għall-plural.

L-istess bidla sseħħ fil-kelma sura, imbagħad (bit-ta marbuta) suret. Imma kultant fil-pronunzja iktar toħroġ surit għax isseħħ armonija bejn il-vokali. Għalhekk sikwit nisimgħu “surit in-nies” (minflok “suret in-nies”), imma din m’għandniex inħawduha mal-plural suriet li għandha tintuża biss meta nkunu qed infissru plural.

Fl-aħħar mill-aħħar, suret/surit u lejlet/lejlit mhumiex ħlief varjanti ta’ xulxin li ġejjin mill-fatt li l-vokali qosra fil-Malti ta’ sikwit ma jkunux fissi żżejjed. L-istess tip ta’ varjanti bħalma nsibu fi kliem ieħor li naċċettawh miktub fiż-żewġ forom tiegħu: messew/missew(ma) berkux/birkux, eċċ.

 

U la qed nitkellmu fuq din il-lejla, għaliex ngħidu “lejlet il-festa” meta fil-fatt inkunu qed nirreferu għal-lejl ta’ qabel il-jum u l-lejl proprji tal-festa?

Jiġifieri, jekk il-festa tkun se taħbat fl-20 ta’ Lulju, għaliex insejħu “lejlet/lejlit il-festa” lil-lejl ta’ bejn id-19 u l-20 u mhux lil-lejl ta’ bejn l-20 u l-21, meta fil-fatt il-festa tilħaq l-aqwa tagħha?

L-ispjega għal dan il-fatt kurjuż hija waħda storika. Irridu niftakru li dari l-qofol tal-festa kien filgħodu. Hekk għadhom il-festi tradizzjonali tal-Maltin, bħall-Imnarja (l-Imdina u l-Buskett) u San Girgor (iż-Żejtun u Marsaxlokk), li l-purċissjoni tagħhom (u mbagħad il-quddiesa solenni bil-paneġierku) issir filgħodu. Hekk għadha ssir ukoll il-festa ta’ Santa Liena f’Birkirkara. Fil-fatt il-biċċa l-kbira tal-festi bdew jiċċelebraw il-qofol tal-festa tagħhom filgħaxija, u dan forsi ġara meta l-logħob tan-nar ħa ċerta importanza, li ovvjament jitgawda aħjar meta jaqa’ d-dlam.

Mela la l-qofol tal-festa kien, ngħidu aħna, l-20 ta’ Lulju filgħodu, kien hemm lejla waħda ta’ festa, dik li tiġi sewwasew qabilha. Għalhekk “lejlet il-festa” kienet tiġi l-lejla 19-20 ta’ Lulju, lejla ta’ mistennija kbira.

Il-lejla ta’ nhar il-festa proprja kienet tkun vojta minn kull attività importanti, u żgur ma kinitx lejlet il-festa.

Jorbot ma’ dan, il-fatt li, lill-Karkariżi li baqgħu (mhux bdew) jiċċelebraw il-festa tagħhom filgħodu, in-nies ta’ xi rħula qrib kienu jinbxuhom billi jgħidulhom li filgħodu jiċċelebraw il-festa u flgħaxija jmorru jaqtgħu l-ħarrub (jiġifieri jidħlu għax-xogħol), għax naturalment kienet bdiet tinħass stramba li l-qofol tal-festa jkun filgħodu u mbagħad filgħaxija jkun vojt, bla ċelebrazzjonijiet ewlenin fuq barra. Il-vojt taċ-ċelebrazzjoni lejlija xi ftit jew wisq jinħass, iktar u iktar illum li d-dawl elettriku tawwal il-jum mhux ftit u li ż-żgħażagħ iħobbu jiffesteġġjaw sa biċċa sewwa tal-għodwa ta’ wara.

Kos, id-drawwiet u l-modi jinbidlu, imma l-kliem ta’ sikwit jibqa’ ingastat fl-istorja – tifkira ħajja ta’ użanzi li għaddew.

Prof. Manwel Mifsud

Din mhix xi regola mibdula dan l-aħħar…

Sas-sena 1992 kulħadd seta’ jagħżel liema jrid jikteb: egħluq jew għeluq.

Kull forma kellha raġuni ssostniha:

– Min kien jikteb egħluq kien jirraġuna li l-forma hi 12i:3 bħal ksib, knis, qbiż, u allura pprefera jitfa’ l-vokali “ż-żejda” barra mill-forma, fuq quddiem (v12i:3).

– Min kien jikteb għeluq kien iħoss li aħjar jikteb bħas-singular, i.e. jibda bl- għax hekk tiġi eħfef għat-tagħlim (għonq/għenuq, għasfur/għasafar, għalaq/għeluq, għamel/għemil, eċċ.). Mhux biss, imma dik għalih ma kinitx vokali “żejda” imma vokali li baqgħet sħiħa mill-Għarbi għall-Malti.

Bid-deċiżjoni tar-regola li hemm fl-Aġġornament (it-tieni parti, III) tal-1992, meqjusa tajbin BISS il-forom bl- fuq quddiemgħeluqgħasafar; għelieqi eċċ.)

Prof. Manwel Mifsud

Sa ftit snin ilu, il-prepożizzjonijiet bħal “ta’ + l-artiklu” kienu jinkitbu bi 3 modi fil-Malti:

–  tal- quddiem konsonanti (eż. tal-kompetizzjoni, tal-gwardjan)
–  ta’ l- quddiem vokali (eż. ta’ l-armar, ta’ l-iskola)
–  tal- jew ta’ l- quddiem għ jew h (ta’ l-għaqda/tal-għaqda, ta’ l-hena/tal-hena)

Kienet biċċa lussu lingwistiku, piż li seta’ jitħaffef bla dannu. Mal-kwistjoni tat-tal- jew ta’ l- quddiem l-għ u l-h, il-Kunsill tal-Malti ħass li kellha tittieħed deċiżjoni li tiċċara u tħaffef l-affarijiet anke fejn tidħol it-tal- quddiem vokali. Kienet qed issir distinzjoni li ma kienet xejn ċara għal kulħadd indaqs u li kienet tiswielna iktar milli tagħtina.

L-għalliema, ngħidu aħna, ilkoll jifhmu kemm ftietaq bla siwi bħal dawn itaqqlu l-kitba tagħna għalxejn u jistgħu jitħaffu. U l-Kunsill tal-Malti ħaseb mhux biss f’dawk li jaħdmu regolarment bil-kitba, imma anke f’dawk il-Maltin, li bil-Malti jiktbu ftit u mhux kuljum, u li d-distinzjonijiet sottili aktarx jgħaddu minn fuq rashom. Għax il-kitba, li laħqet l-aqwa tagħha meta ġiet demokratizzata, ma għandhiex terġa’ ssir mezz esklużiv għal xi tip ta’ elit. Eżaminajna ħafna kitba biex naraw kemm effettivament kienet qiegħda ttellef, qabel ma ddeċidejna fuqha.

 

Ir-regola 3.2.6 tad-Deċiżjonijiet 1 tistabbilixxi li ma tagħmilx distinzjoni, imma ikteb dejjem “tal-” magħquda, kemm jekk il-kelma ta’ warajha tkun bil-konsonanti jew bil-vokali, kif ukoll bl- jew l-h. Dan jgħodd ukoll għall-prepożizzjonijiet ġoma’sa.

 

Mela ikteb:

Triq il-Kunsill tal-Ewropa, Ħal Luqa.

Il-mistoqsija tal-kompetizzjoni.

L-istatut tal-aqda.

U bl-istess mod, ġol- mal- u sal-

 

Hekk qed isibuha eħfef ukoll dawk li għadhom se jitgħallmu l-Malti għax ma jkollhomx għalfejn jiddeċiedu bil-quddiem għandhomx jiktbu l-waħda jew l-oħra bħal qabel. Li tikteb dejjem mod wieħed, konvenjenti ħafna aktar.

Prof. Manwel Mifsud

Bħala għajnuna, ftakar li prattikament kull meta jkollok -ha, fl-Ingliż tidħol il-kelma “her”. Mela:

 

1. kantatha=kantat+   -ha (she sang + “her”)
2. iddedikatha=iddedikat+   -ha(she dedicated + “her”)
3. bħalha=bħal+   -ha(like + “her”)

  Bħal: rathasabithaħadithaxtratha

 


eż. Marija l-kanzunetta kantatha bil-Malti.
       L-Unjoni Ewropea din is-sena ddedikatha lill-anzjani.
       Xtaqt nixtri waħda bħalha imma ma kellux.

 

 

1. kantata=kantat+   -a (sung + fem)
2. iddedikata=iddedikat+   -a(dedicated + fem)
3. bħala=bħal+   -a(like + fem)

  Bħal: twilaġdidabieżlaimportata
 

eż. Il-kanzunetta bil-Malti kienet kantata minn Marija.
      Is-Sena Ewropea hi ddedikata lill-anzjani.
      Għawdex meqjus bħala reġjun għalih mill-Unjoni Ewropea.

 

Prof. Manwel Mifsud

Sa ftit snin ilu konna nifirdu *skond (according to) minn skont (reduction). Imma, taf li dan kien żball?! Taf li f’din konna ħarisna lejn il-kitba Taljana u għalaqna għajnejna għall-użu reali tal-Malti?

Tant hu hekk li:

filwaqt li ta’ qabilna kienu għamlu għażla ġusta bejn każ (case) għax każijiet u kas (attention) għax (ta) kasi,

konna għadna qed niktbu *skond (according) avolja skontok u skont (reduction) għax skontijiet.

Ladarba r-regola fil-Malti (regola tal-1924) hija dejjem li, malli tqiegħed vokali wara l-konsonanti inkwestjoni, toħroġ in-natura vera tal-konsonanti (eż. ġdid għax ġdidaħabib għax ħabibaħobż għax ħobżaħabs għax ħabsitaraġ għax tarġa eċċ.), allura rridu nkunu konsistenti, billi niktbu skont (bit-t) għax ngħidu u niktbu: skontiskontokskontu eċċ.

 

Imma skond mhux ġejja minn secondo mit-Taljan?

Hekk hu. Imma b’daqshekk ma jfissirx li niktbuha bħat-Taljan! Fil-Malti niktbu, ngħidu aħna, pajjiż (avolja ġejja minn paese) għax ngħidu pajjiżi. Niktbu wkoll art (avolja ġejja minn ard) għax ngħidu artijiet. Din hi sistema konsistenti fl-ortografija tal-Malti.

 

Imma hemm min qed jiżbaljaha ma’ skont (reduction)?

Serraħ rasek, għax il-lingwa, kull lingwa, miżgħuda b’omofoni (kliem bl-istess ħoss imma b’tifsira differenti) li l-poplu qatt ma jiżbaljahom għax jużahom dejjem f’kuntest, bħall-friefet li jtiru ħfief fil-ġnien u mhux bħal dak li, miskin, jispiċċa taħt il-pinzetta tal-istudjuż, misfuf u msallab ġo vetrina, bħall-kelma fid-dizzjunarju.

Għax il-lingwa ħajja.

Prof. Manwel Mifsud

Bil-Malti niktbu ammen, bħalma nippronunzjawha. Amen kienet tintuża minħabba l-konswetudni li ma kellha l-ebda rabta mar-realizzazzjoni fonetika (tal-ħoss) ta’ lsienna. Din il-forma “lokalizzata”, skont il-pronunzja, mhix biss ħaġa tal-Malti:

Fl-Ungeriż issib Ámen

Fil-Finlandiż, Aamen

Fil-Latvjan, Âmen

Fir-Rumen u t-Tork, Amin

Bil-Malti, ngħidu u niktbu: Ammen

 

Olvin Vella

Fil-Malti l-kliem niffurmawh b’żewġ modi ewlenin: bl-għerq jew biz-zokk morfemiku.

Il-kliem Semitiku (mill-Għarbi) għandu l-għerq. Ir-regoli tal-għerq huma ċari: il-konsonanti tiegħu jridu jibqgħu l-istess u jżommu l-istess ordni f’kull kelma li nnisslu minnu. Għalhekk mill-għerq r-s-q noħorġu resaqresqa(i)mressaq, eċċ; minn s-r-q niktbu seraqserqatisraqmisruq eċċ u minn q-r-s niktbu qarasqarsanoqorsumaqrus eċċ.


Mill-banda l-oħra, il-kliem li ġej mit-Taljan (bħal prietka u predikatur) jew mill-Ingliż (bħal kompjuter) m’għandux għerq. Lanqas kliem ieħor mit-Taljan bħal impjegat kkalkula, m’għandu għerq. Minflok għandu zokk morfemiku (bl-Ingliż, stem) – parti mill-kelma tibqa’ dejjem l-istess u magħha nżidu l-“prefissi” (fuq quddiem) u s-“suffissi” (fuq wara).

Mela jekk nieħdu “ikkalkula”, iz-zokk tagħha huwa -kalkul-. Miegħu nistgħu nżidu “affissi” (fuq quddiem u wara) kif ġej:

kalkul-atur
ik-kalkul-a
ik-kalkul-at
eċċ.

Maz-zokk -impjeg- inżidu:

impjeg-at
impjeg-a
impjeg-atur
eċċ.

Innota li n-nom “impjieg” mhux maħruġ miz-zokk morfemiku “impjeg”. Dan għaliex iz-zokk morfemiku ta’ “impjieg” huwa differenti. Ir-relazzjoni grammatikali ta’ bejn “impjegat” u “impjieg” issibha fit-Taljan, imma mhux fil-Malti. Fil-Malti nittrattawhom bħala żewġt izkuk differenti u filwaqt li ma’ -impjeg- żidna diversi affissi, ma’ impjieg żidna biss is-suffiss -i tal-plural: impjiegi.


Mela, fi ftit kliem, iz-zokk morfemiku huwa dik il-parti mill-kelma li tibqa’ l-istess, bħaz-zokk ta’ siġra, biż-żidiet miegħu fuq quddiem jew fuq wara, bħall-friegħi li ħerġin miz-zokk tas-siġra. Dan iz-zokk ġeneralment niktbuh kif jinħass, ħlief jekk il-konvenzjoni tkun tgħid mod ieħor. L-unika ħaġa li ma niktbux kif tinħass hija l-aħħar konsonanti. Fil-każ ta’ impjieg, nisimgħu k (*impjiek) imma niktbu g għax meta nżidu vokali warajha hekk nisimgħu – impjieg-i. Bħalha, impjegatur.


Fil-każ ta’ prietka predikatur qed nitkellmu fuq -predik- u prietk-. Il-konsonanti k tiġi ddeterminata mill-vokali li jkollha warajha. (Din hi l-istess raġuni għaliex niktbu issekonda bid-d u skontok bit-t).

Fil-Malti għandna l-konsonanti mniffsa bħat-t, il-k, il-p, is-eċċ. u l-konsonanti mleħħna bħad-d, il-g, il-b, iż-ż eċċ. Bħala regola ġenerali, kull meta żewġ konsonanti jiltaqgħu wara xulxin, bħal fi prietka, l-aħħar konsonanti tikkundizzjona lil ta’ qabilha biex tkun bħalha. Jiġifieri jekk l-aħħar waħda tkun imniffsa (fil-każ tagħna k), ta’ qabilha trid tkun imniffsa wkoll, (għandna t). Ma tistax tkun imleħħna (d). Fil-fatt, anki jekk tipprova tlissinha, tbati u tinstema’ stramba.

 

Hekk ukoll niktbu magna u makkinarju. Tal-ewwel ġejja mit-Taljan macchina, li tagħtina *makna. Imma (minħabba n-n ta’ warajha, il-k tinstema’ gmagna. Il-fonetika tissuġġerilna niktbu magna, anke jekk imbagħad il-k tibqa’ tidher fi kliem bħal makkinarju, li ġej minn zokk morfemiku differenti.

Għalhekk ukoll niktbu vista (mhux viżta), minkejja li għandna viżitatur.

Prof. Manwel Mifsud

Jeżistu ż-żewġ forom: xħin u x’ħin, u dawn ma jfissrux l-istess, għax f’tal-ewwel iż-żewġ kelmiet xi u ħin għandhom tifsira waħda flimkien, waqt li f’tat-tieni t-tifsiriet tagħhom għadhom separati.

  • xħin – tfisser “meta…, filwaqt li…” (eż. xħin kont dieħel, ħbatt miegħuxħin trid, immorru)
  • x’ħin – tfisser “liema ħin” (eż. x’ħin se nagħżlu għat-tellieqa? insejt x’ħin tani biex niltaqgħu)


Mela:

xħin se nagħżlu?”  tfisser “at what time shall we choose?” li tirreferi għall-ħin tal-għażla, imma

x’ħin se nagħżlu?” tfisser “which time shall we choose?” li tirreferi għall-ħin (ta’ attività, eċċ.) li se nagħżlu.

 

Id-dokument uffiċjali tad-Deċiżjonijiet 1 (mhux il-lista alfabetika, li hija prattika imma mqassra) f’Appendiċi A jagħti lista sħiħa ta’ kliem li jingħaqad, bħal xħin, imma fil-bidu (p. 12) jgħid ċar: “Il-kliem li ġej għandu jinkiteb magħqud meta jkollu tifsira waħda, kif għandu fl-eżempju.”

Dan ifisser li jekk kliem bħal dan ma jkollux tifsira waħda, allura jibqa’ jinkiteb mifrud (bħal x’ħin). Fl-istess ħin, lanqas ma jfisser li kull kelma tinkiteb magħquda.

Prof. Manwel Mifsud

Il-mamma tal-verb tisreġ (MHUX tiżreġ) hija sireġ u l-għerq huwa S-R-Ġ. Mhux għaġeb li ssib min jiktibha biż-ż, għax l-s f’dan il-verb tinstema’ mleħħna (s > ż). Imma issa taf kif tinkiteb u għaliex.

Differenzi bħal dawn fil-vokali qosra, mhumiex differenzi serji fil-Malti. Basta l-vokali tinżamm f’postha.

Il-Malti msejjes fuq il-konsonanti, u f’ħafna forom differenza fil-vokali mhix ħaġa serja, hija sempliċi kisra differenti. Għalhekk xi dizzjunarji jagħtuhom bħala varjanti, għalkemm anke fost żewġ varjanti jista’ jkollok waħda inqas użata jew qadima, u oħra iktar komuni. Hekk insibu: ħusbien / ħosbiendolliegħa / dulliegħa. F’dawn it-tnejn, tal-ewwel għandha tendenza li titqies qadima u naqset mill-użu.

Insibu wkoll oħrajn bħal: ma kenux / ma kinuxirċevejt / irċivejtbeżlin / biżlin. Dawn kollha tajbin.

Hemm ukoll xi vokali qosra li hawn min idaħħalhom u hawn min iwaqqagħhom, eż. qalilha JEW qallha. Dawn it-tnejn tajbin imma hemm tendenza li l-verżjoni li żżomm il-vokali qasira (qalilha) titqies aktar formali.

Prof. Manwel Mifsud

Kos, għaliex inżidu l-i fil-bidu: “xtaqt ingħid” jew “xtaqt ngħid”; “il-ktieb ingħata” jew “il-ktieb ngħata”?

It-tnejn jingħadu u t-tnejn tajbin.

L-ewwel għażla (ingħidingħata) tfakkarna li l-konsonanti  fil-Malti kienet imlissna fl-antik. Meta kienet għadha ma tilfitx il-ħoss tagħha, kellha l-effett tal-konsonanti l-oħrajn kollha. Għalhekk, bħalma ngħidu: “qed inħit” kienu jiktbu “qed ingħid”. Imma llum il-maġġoranza tal-Maltin l- ma jlissnuhiex, u ħafna jużaw “qed ngħid”.

Jekk immorru lura fiż-żmien, frażi bħal: “il-ktieb nata” ma kinitx possibbli, għax hawn l-n (li hi konsonanti likwida) ġiet imħaxkna bejn iż-żewġ konsonanti b u għ. Għalhekk il-vokali tal-leħen kienet meħtieġa biex tifred il-grupp tal-konsonanti: “il-ktieb inata”.

Imma maż-żmien il-lingwa Maltija baqgħet tinbidel f’ħafna aspetti. Fost dawn insibu li l- tilfet leħinha u ma baqgħetx tinstema’. Malli seħħ dan, il-frażi “il-ktieb ngħata” reġgħet saret possibbli, għax l-n fiha mhix imħaxkna bejn 2 konsonanti, ladarba min-naħa tal- għandha ħoss ta’ vokali.

U l-istess f’tant frażijiet oħra, bħal: “kont ngħaddi”, “bdejt ngħabbi”, “bqajt ngħodd”.

Dawn tajbin kemm mingħajr il-vokali tal-leħen u kemm biha. Tajbin mingħajrha għax hu l-mod kif jippronunzjaw illum il-biċċa l-kbira tal-Maltin. Tajbin biha għax għad hawn ħafna nies li jdaħħlu l-vokali tal-leħen bħal dari, anke jekk illum m’għandhomx għalfejn. Iżda jiġri li, meta tindara pronunzjaha, ikun diffiċli li tibdilha, allavolja ma tkunx strettament meħtieġa.

Tant hu hekk li mijiet ta’ snin wara li saret din il-bidla, aħna għadna ngħidu: “Wied il-Għajn”, avolja “Wied l-Għajn” kien ikun biżżejjed. Ċerti binjiet oħra fl-istat kostrutt, bħal “Ħadd il-Għid”, “Wied il-Għasel” u “Dar il-Hena” tant indraw, li ħafna minna lanqas tiġihom f’ħalqhom “Ħadd l-Għid”, “Wied l-Għasel” u “Dar l-Hena”. Fil-fatt, meta tgħidhom u tiktibhom hekk tħosshom strambi tassew!

Kif jidher mill-eżempju ta’ “Dar il-Hena”, qed jiġri l-istess bil-konsonanti siekta l-oħra (h). Anke fi frażi bħal “qed nhewden ~ qed inhewden”.

It-taħdit u l-kitba tagħna llum mimlijin b’koppji alternattivi bħal dawn, li jgħixu feliċement flimkien.

Prof. Manwel Mifsud

Fil-Malti nużaw żewġ forom differenti imma bl-istess tifsira: perċentwal (< Tal. percentuale) u persentaġġ (< Ingl. percentage).

Grammatikalment, jaħdmu hekk:

  • perċentwal hija nom maskili, bil-plur. -i.
    Minnha joħroġ l-aġġettiv perċentwali li huwa invarjabbli, i.e. m./f./pl. (eż. dħul/rata/numri perċentwali). Dan forsi jista’ jitqies vantaġġ fuq persentaġġ, li minnha ma jitnissel l-ebda aġġettiv, u aġġettiv bħal dan huwa imprezzabbli meta tkun tittraduċi dokumenti bl-istatistika.
  • persentaġġ hija nom maskili, bil-plur. -i.

Prof. Manwel Mifsud

Jekk inħarsu lejn iż-Żieda (1984), Taqsima Ċ, Regola 4(b), insibu li: “Meta sillaba f’kelma tispiċċa b’vokali ‘i’ jew ‘u’ u s-sillaba ta’ warajha fl-istess kelma tibda wkoll b’vokali, tidħol il-konsonanti qaddejja ‘j’ jew ‘w’ bejniethom, u din il-konsonanti dgħajfa titqies mas-sillaba ta’ wara.”

Mela, skont din ir-regola għandna niktbu: klijenti u bijoloġiku.

Biex inkunu prattiċi, din ir-regola ta’ meta tikteb żewġ vokali ħdejn xulxin fil-Malti nistgħu nqassruha hekk:

1. Miż-żewġ vokali, tiddeċiedi dejjem l-ewwel waħda: osserva lilha (eż. caoticoteologobiologicodiademarealeateopoetadualismoinfluenzanutrienti, clienti). Qed nagħtuhom bit-Taljan, għax il-problema proprjament tinqala’ mill-kitba Taljana għall-Maltija.

2. Jekk l-ewwel vokali tkun: a jew e jew o tifridhiex mill-vokali ta’ warajha. Mela: kaotikuteoloġija (teologu), reali, ateu, poeżija (poeta).

3. Iżda, jekk l-ewwel vokali tkun i jew u ifridha mill-vokali ta’ warajha permezz ta’ j (jekk i), jew w (jekk u), bħal huwa u hija. Mela: bijoloġikudijademanutrijentiklijenti; u duwaliżmuinfluwenza). Tkun xi tkun il-vokali ta’ warajha.

Dawn l-aħħar żewġ punti jistgħu jerġgħu jitqassru hekk:

a+V  =  aV (V tirrappreżenta t-tieni vokali tal-grupp)

e+V  =  eV

o+V  =  oV

—————

i+V  =  i j V

u+V = u w V

Dawn iż-żewġ punti nistgħu narawhom applikati f’kelma waħda: teorija.



Regola 4(ċ) imbagħad tweġibna fuq kliem bħal riabilitazzjoni.

Skont din ir-regola, meta minn żewġ vokali wara xulxin, l-ewwel waħda tkun ta’ prefiss u t-tieni ta’ kelma oħra (eż. anti+aċidikubi+ennali, di+ossiduko+alizzjoni, ri+organizzazzjoni) dawn jinkitbu wara xulxin bla ebda firda bejniethom (jiġifieri mingħajr j jew w).

Mela jiġu: antiaċidikubiennalidiossidukoalizzjoniriorganizzazzjoni. U bħalhom: riedukazzjoni, riepilogukoordinazzjoni (jew kordinazzjoni). L-istess bħal antieroj u semiawtomatiku.

Prof. Manwel Mifsud

Il-plural ta’ sengħa huwa snajja’. Mhux ‘snajjiet’.

Il-plural ta’ tebgħa huwa tbajja’.

Mudell għalihom: “skejjel” (12vjjv3).

Dr Olvin Vella

Huwa normali li fil-Malti nużaw aġġettiv fil-femminil singular ma’ nomi fil-plural ukoll, imma dan japplika għal ċerti aġġettivi biss, u l-aktar għall-partiċipji (attivi u passivi) u għall-aġġettivi relattivi (għalkemm hawn aktarx ikollhom “xeħta letterarja”).

F’dawn kollha, il-plural jista’ jsir jew bit-tarf -in inkella bit-tarf -a.

eż. partiċipju attiv:     Rajt ħafna tfal resqin/riesqa lejja.
      partiċipju passiv: Konna mdawrin bil-lampi mixgħulin/mixgħula.
      aġġettiv relattiv:   Iltqajt ma’ bosta persuni dħulin/(dħulija).

Mela nistgħu ngħidu li għandna klassi ta’ aġġettivi li fihom il-plural jista’ jispiċċa -in jew -a.

Imma dan ma jfissirx li ma’ kull nom fil-plural tista’ tuża l-aġġettiv “femminili” -a. Ngħidu aħna, ma tistax tuża aġġettivi bħal: ġdid/ġdida/ġodda; Taljan/Taljana/Taljaniżgur/żgura/żguri jew estrem/estrema/estremi b’dan il-mod. Għax il-plural ta’ dawn (u ħafna oħra) m’għandux varjant bl--a.

Fil-fatt, ma nistax ngħid: stejjer qadimapartiti ġdidaaħbarijiet żgura u partiti leminija (jew lemininestrema għax il-Maltin ma jaċċettawhomx.

Fl-aħħar nett tajjeb ngħidu li għandna l-aġġettivi vojt/vojta/vojti li mhux partiċipju jew relattiv u li jista’ jieħu l-forma “femminili” -a għall-plural: eż. fliexken/kaxxi vojta).

Prof. Manwel Mifsud

Każi bħal linka (< l-inka) u larinġa (< l-arinġa) huma żviluppi storiċi, interessanti kemm tridhom, imma li fihom dik il-l (li oriġinarjament kienet l-artiklu) illum ma għandha l-ebda sens ta’ artiklu u m’għadhiex tinħass bħala artiklu mill-kelliema tal-Malti.

Meta norbtu l-artiklu ma’ kelma u nqisuhom ħaġa waħda, inkunu għamilna agglutinazzjoni tal-artiklu. Meta nifirdu xi konsonanti integrali għax noħduha b’artiklu, inkunu qed nagħmlu deglutinazzjoni tal-artiklu. Din komuni ma’ kliem li jibda bil-l. Imma ssibha anke fi kliem li aktarx jibda b’konsonanti likwida.

Ftit eżempji ta’ agglutinazzjoni fil-Malti:

Mill-Għarbi: lifgħa (Għ. ‘afgħa), ilma (Għ. ma), liżar (Għ. ‘iżar).

Mir-Rumanz (Sqalli/Taljan): larinġa (T. arancia), laptu (T. abito), lamtu (T. amido), lasta (T. asta), lixka (T. esca), liedna (T. edera), lembut (T. imbuto), loppju (T. oppio), lexxuna (T. ascione).

U eżempji ta’ deglutinazzjoni:

Mir-Rumanz (Sqalli/Taljan): injam (T. legname), ajk (T. laico), ittra (T. lettera), anterna (T. lanterna), *otterija (T.>M. lotterija), *użarju (l-użarju<rużarju), *itratt (l-itratt<ritratt), *ofstanhari (l-ofstanhari<nofstanhari).

Bħal dawn l-eżempji tal-aħħar (immarkati bi stilla) hemm oħrajn u bosta minnhom kienu jingħadu (aktarx mill-monolingwi) imma ma jinkitbux.

Fid-deglutinazzjoni, “tħarbat” kelma, u dan aktarx tagħmlu ma’ kliem li ma tifhmux meta tisimgħu. Għalhekk ma tantx issib deglutinazzjoni fil-Malti ta’ nisel Għarbi.

Prof. Manwel Mifsud

Il-kunjomijiet Maltin bdew jinkitbu fil-Medjuevu, qabel ma ġie stabbilit l-alfabett uffiċjali tal-Malti. Għalhekk inkitbu dejjem bl-ittri Sqallin ta’ dak iż-żmien u tradizzjonalment baqgħu jinkitbu hekk, mingħajr l-għeliem dijakritiċi, jiġifieri mingħajr tikek u l-ħ maqtugħa. Hekk irreġistrawhom in-nutara fit-testmenti legali u l-kappillani fir-reġistri uffiċjali tal-parroċċi. Il-kitba tal-kunjomijiet titqies bħala parti mill-istorja tagħhom u allura jibqgħu jżommu l-forma li tawhom meta bdew jinkitbu. Huma wkoll parti mil-lingwa li ma tipproduċi xejn, jiġifieri huma biss bħal tikketti li jitwaħħlu u ma jinbidlux bħalma, ngħidu aħna, nibdlu (nikkonjugaw) verb. L-aktar l-aktar, okkażjonalment, inżidu t-tarf -ijiet meta nkunu rridu nindikaw familja sħiħa b’dak il-kunjom (eż. il-Mifsudijiet ili ma narahom ġimgħa!)

Għalhekk, niktbu: ZammitButtigiegBorg, eċċ.

Madankollu, fi żmienna, ġieli kien hemm xi awturi jew kantanti li, biex jgħinu l-profil pubbliku tagħhom, ippersonalizzaw kunjomhom billi kitbuh mod ieħor, ngħidu aħna qalbu għall-kitba Maltija tal-lum billi użaw l-ittri tal-Malti, bit-tikka jew b’rashom maqtugħa. Imma kitba bħal din mhix uffiċjali quddiem ir-Reġistru Pubbliku u jużawha biss fil-kotba jew fuq il-palk. Għax il-kunjomijiet huma dokument uffiċjali u, allura, allaħares kulħadd kellu joqgħod jibdel fihom.

Il-kunjom huwa wirt storiku personali u l-fatt li jinkiteb bl-ortografija Taljana m’għandux jitqies bħala inkonsistenza fil-kitba bil-Malti. F’lingwi oħra wkoll jeżistu kunjomijiet “barranin” u dawn ma jibdluhomx lanqas skont l-ortografija u l-pronunzja tal-lingwa tagħhom. L-ismijiet (Ġorġina, Ċensu, u l-bqija), storja oħra.


U allura għaliex għandna kunjomijiet b’żewġ verżjonijiet, bħal Scerri u Xerri?

Il-kitba qadima bix-x tal-Isqalli (issibha wkoll fil-Katalan) tibda tidher fil-Malti sa mill-1419, filwaqt li l-kitba sc hija l-verżjoni iktar reċenti tal-perijodu tal-Kavallieri u ġejja direttament mit-Taljan. Fid-dokumenti l-qodma, dan il-kunjom kien jidher “Xerri” u mbagħad in-nutara bdew jagħtuh bixra Taljana għal “Scerri”. Kunjomijiet oħra, bħal Schembri Sciriha għaddew mill-istess bidla.

Tajjeb li wieħed ifakkar li l-eqdem kompożizzjoni Maltija, il-Kantilena, li waslitilna f’kitba ta’ madwar l-1530, tibda sewwasew bil-kelma “Xidew”.

Għalhekk, meta naraw “Xerri”, wisq probabbli jkollna l-forma qadima (ta’ qabel “Scerri”) li b’xi mod baqgħet fil-memorja tal-kitba tal-kunjom.

Prof. Manwel Mifsud

Hawn min jistenna li kull nom ikollu plural wieħed biss. Fil-fatt, bosta kliem hekk għandu: qattus > qtateskompjuter > kompjuterskarta > kartigwerra > gwerer.

Madankollu, fil-Malti – bħal f’lingwi oħra – insibu wkoll xi nomi li jieħdu aktar minn plural wieħed. Ngħidu aħna, iġmla u ġmulabolol u bollibnadar u bandieritazez u tazzitiġien u tiġijietkokien u kokijiet. Dawn in-nomi tnisslu fuq fomm il-poplu, huma mfasslin fuq mudelli tajbin u narawhom miktubin ilkoll. Għaldaqstant m’għandniex niddejqu naċċettawhom bħala kelmiet tajbin u membri xierqa tad-dizzjunarju tal-Malti Standard. Għax hekk huma.

F’xi djaletti nsibu plurali oħrajn, inqas magħrufa, u għax huma djalettali huma inqas mifruxin u qajla ssibhom miktubin. Hekk huma: prieter (pl. ta’ purtiera) f’Għawdex u torot (pl. ta’ torta) fil-Mellieħa. Huma forom tajbin li żviluppaw u jgħixu f’komunità ta’ ftit kelliema.

Kull wieħed u waħda minna jiġbor il-vokabularju tiegħu mill-esperjenzi ta’ matul ħajtu. Jista’ jkun li, iktar ma jikber il-kuntatt bejn il-Maltin, xi kliem inqas mifrux jew djalettali tibda tonqoslu saħħtu u biż-żmien jintilef. Imma mhux bilfors jiġri hekk, għax għandna wkoll kliem li darba kien djalettali u llum huwa parti mill-Malti Standard.

L-importanti hu li naċċettaw bil-ferħa l-lingwa ta’ xulxin kif inhi, imqar jekk ma taqbilx eżatt ma’ tagħna. Għax il-Malti, bħal ilsna oħra, huwa fattur tas-soċjetà u bħalha huwa msaħħaħ u msebbaħ mill-forom diversi tiegħu.

Prof. Manwel Mifsud

Hawn għandna dejjem verb + pronom mehmuż (jaqra lilhom u jinteressa lilha) u dawn jirrispettaw ‘il xulxin u jidhru t-tnejn sħaħ, minkejja li l-vokali ta’ tarf il-verb ma tinstemax. Mela,

 

nara lilhom=     nara + -hom>     narahom
tindanna lilha=     tindanna + -ha>     tindannaha
jaqra lilhom=     jaqra + -hom>     jaqrahom
jinteressa lilha=     jinteressa + -ha>     jinteressaha


Dwar il-pronom -ha wieħed irid joqgħod attent għax, billi dan jiġbed l-aċċent fuqu, xi wħud jiżbaljaw u jiktbuh –à (eż. flok jinteressaha jiktbu jinteressà bħal ambigwità, għax għandha l-istess ħoss). Int ftakar biss li meta jkun hemm is-sens ta’ lilha jrid jidħol il-pronom –ha (eż. jifforma lilha > jiffurmaha u mhux jiffurmàtinjora lilha > tinjoraha u mhux tinjoràara lilha > araha u mhux arà).

 

Prof. Manwel Mifsud

Fil-Malti għandna 3 tipi ta’ vokali i:

(1)  i qasira [= i] (fl-Alfabett Fonetiku Internazzjonali /I/), bħall-i ta’ (jiena): żidtmitt
(2)  i twila [= iiii], li niktbuha ie (fl-AFI /I:/), bħall-ie ta’ (huwa): żiedmiet
(3)  i twila bil-j [= iiijj], li għalkemm hi twila niktbuha i bħall-ewwel waħda (fl-AFI /i:/), bħall-i ta’ (inti) żid!, il-mit ta’ Elvis Presley

Normalment, il-kelliema jagħmlu differenza bejniethom it-tlieta, imma xi wħud imbagħad jitħawdu meta jiġu biex jiktbuhom, u l-aktar li jħawdu t-(2) mat-(3). Kulħadd jaf b’dak il-proxxmu li mela l-ħitan ta’ Malta kollha bl-avviżi “Sejjieħ u tal-fiel”, biex ibigħilna l-ġebel tas-sejjieħ u tal-fil!

Biss imbagħad hemm każi fejn il-kitba tagħna mhijiex fonetika, u tispiċċa tikteb waħda minnhom meta fil-fatt tippronunzja l-oħra. Fost dawn hemm:
(a) każi li hemm raġuni fonetika għalihom, eż. (3) ppronunzjata bħala (2) minħabba li tkun ħdejn il-ħoss ta’ ħ jew q (eż. fihxiħrfigħtriq)
(b) każi li għalihom hemm biss raġuni storika, eż. niktbu (3) imma nippronunzjaw (2) fi kliem bħal ngħidu aħna mġiba [ippronunzjata mġieba] għax qisuha li ġejja minn forma m1i:3a; u spirtu [ippronunzjata spiertu] aktarx għax, meta bdiet tinkiteb, iktar ħarsu lejn il-forma oriġinali Taljana milli lejn il-ħoss Malti li kienu qed jirrappreżentaw.

Għalhekk niktbu: (i)mġiba.

Prof. Manwel Mifsud

Ir-regoli tal-kitba tal-Malti (ara Tagħrif fuq il-Kitba Maltija, It-Tieni Taqsima, nru 45) jippermettu ż-żewġ verżjonijiet. Għax l-n tal-ewwel persuna tal-imperfett tista’ tassimila għalkollox mal-ewwel konsonanti tal-verb meta din tkun likwida. Imma dan mhux bilfors isir. Hawn min jippronunzja inmur u hawn min immur. Hawn min jgħid inrodd u min irrodd.

Madankollu aktarx naqblu li immur hija aktar popolari minn inmur, filwaqt li inressaq hija aktar popolari minn irressaq.

Li forma hija użata aktar minn oħra ma jfissirx li hija t-tajba u l-oħra l-ħażina. F’sitwazzjoni bħal din, ir-regoli tal-Malti kienu għaqlin meta ħallew il-possibbiltà ta’ żewġ varjanti fonetiċi.

Prof. Manwel Mifsud

Proprjament, tinfaraġ u tifriġ fihom taħwida fil-konsonanti tal-għerq… imma li issa ndrat ħafna, hi mifruxa u aċċettata.

Il-Malti, storikament, għandu 2 għeruq differenti:
(1) F – li tagħti l-idea ta’ “konsolazzjoni/konfort” (faraġfarraġtfarraġ);
(2) FĠR – li tfisser “toħroġ id-demm mill-imnieħer” (faġarnfaġarfġir).

Issa dal-verb tal-aħħar ilu ftit jiġi mħawwad mal-ieħor:
flok infaġar ngħidu nfaraġ
flok faġruh ngħidu farġuh
flok jofġruh ngħidu joforġuh… eċċ.

Matul l-istorja tiegħu l-Malti għamel ħafna bidliet bħal dawn, f’għeruq u f’verbi oħra. Pereżempju: 

Għarbi [ĠDB]   > Malti [ĠBD] ġibedġebbed
Għarbi [NSF]    > Malti [NFS] nofs (u hawn ħbatna mal-għerq ta’ nifstniffes)
Għarbi [TGħM] > Malti [TMGħ] tema’mitmugħ (għalkemm xorta baqgħalna kliem bħal tagħam, li tfisser ikel)
Malti [SFQ] sfiqseffaq wiċċu > Malti [SQF] saqqaf wiċċu (u hawn agħar, għax ħbatna mas-saqaf!)
U allura: Malti [FĠR] faġar, nfaġar > Malti [FRĠ] nfaraġ (li l-għerq tagħha kien ifisser konfort).
 
Kif tara, dawn ħwejjeġ li jiġru, imqar f’temp ta’ ftit ġenerazzjonijiet, anke jekk ma jilħqux lil kulħadd fl-istess żmien. Dan il-qlib tal-konsonanti (li fil-lingwa jissejjaħ metateżi tal-għerq: FĠR > FRĠ) tant daħal ‘il ġewwa, li llum naċċettaw il-fatt kif inhu, għax il-bidliet fil-lingwa jiġru, u kif! Mhux fil-Malti biss, fil-lingwi kollha.

Prof. Manwel Mifsud

Skip to content