Ftit qabel ma ffinalizza d-dokument tad-Deċiżjonijiet 1, il-KNM kien diġà beda jaħdem fuq it-tieni diffikultà ortografika, u li kienet fuq l-aġenda tiegħu sa minn meta twaqqaf – il-kitba tal-kliem mill-Ingliż fil-Malti. L-ewwel pass f’dan il-proċess twil kien li f’Diċembru 2007 inġabret lista ta’ madwar 2000 kelma mill-Ingliż mill-gazzetti lokali. Din intbagħtet lil numru ta’ persuni biex jikkummentaw dwar il-kitba ta’ dan il-kliem u jagħtu l-opinjoni tagħhom dwar kif jaħsbu li għandu jinkiteb il-kliem mill-Ingliż fil-Malti. Il-Kunsill irċieva 35 ktiba dwar dan is-suġġett li ġew ippubblikati fi ktejjeb li serva ta’ bażi għal seminar pubbliku li sar fit-12 ta’ April 2008. F’dan is-seminar, li għalih attendew ftit aktar minn 300 ruħ, ġew diskussi bosta punti u ngħataw ħafna suġġerimenti u opinjonijiet dwar kif għandna niktbu dan il-kliem fil-Malti.

F’Ottubru 2010, il-Kunsill waqqaf kumitat konsultattiv iffurmat mill-Prof. Albert Borg (Kap), Dr George Farrugia (Segretarju), Carmel Azzopardi, Donna Borg, Dr Immanuel Mifsud, Mary Rose Mifsud, Steve Mifsud, Trevor Zahra u John Zammit biex jgħarbel il-fehmiet imfissra fis-seminar u l-ktibiet li kienu ġew ippubblikati. Bejn l-2010 u l-2011 saru 22 laqgħa minbarra laqgħat oħra ta’ konsultazzjoni l-aktar mal-għalliema tal-iskejjel tal-Istat, tal-Knisja, u Indipendenti, pubblikaturi, tradutturi u qarrejja tal-provi. Fl-2012 tfassal abbozz tad-Deċiżjonijiet 2 li kompla jiġi diskuss minn kumitat ieħor maħtur mill-KNM f’Jannar 2014. Dan kien iffurmat mill-Prof. Albert Borg (Kap), Dr George Farrugia (Segretarju), Saviour Sam Agius, Dr Simone Inguanez, George Mifsud, il-Prof. Manwel Mifsud u Dr Michael Spagnol. Dan il-kumitat iltaqa’ 25 darba u minbarra l-funzjoni teknika li kellu, kompla bil-konsultazzjoni wiesgħa ma’ setturi differenti tal-pubbliku, fost l-oħrajn billi amministra stħarriġ kwantitattiv dwar punti partikolari mid-dokument biex ikun jista’ jasal għal soluzzjoni li, minbarra li tkun lingwistikament korretta, tkun tirrispetta wkoll l-aspirazzjonijiet tal-pubbliku Malti. Messaġġ ċar li kien qed jirċievi l-kumitat mil-laqgħat ta’ konsultazzjoni kien li kemm jista’ jkun għandhom ikunu evitati forom ta’ kitba li jkunu differenti ħafna mill-kitba oriġinali tagħhom. Dawn il-forom x’aktarx inaffru u jtellfu lill-qarrejja, l-aktar dawk bilingwi, li ħafna drabi jarawhom strambi sewwasew minħabba li jkunu diġà familjari mal-forma tagħhom bl-Ingliż.

F’Mejju tal-2016 dan il-kumitat ippreżenta l-proposti tiegħu lill-KNM, u xahar wara kien organizzat seminar pubbliku ieħor li kellu jkun l-aħħar fażi ta’ konsultazzjoni qabel jingħalaq id-dokument. Madanakollu, minħabba li f’dan is-seminar reġgħu tqajmu xi punti sensittivi bħall-immarkar tal-kliem Ingliż, l-irduppjar tal-konsonanti f’tarf xi verbi, u l-possibbiltà ta’ kompilazzjoni ta’ lista ta’ kliem Ingliż li għandna nibqgħu niktbuh la Maltija, il-Kunsill reġa’ estenda d-data tal-konsultazzjoni sa tmiem Diċembru 2017. F’dan il-perjodu l-kumitat reġa’ analizza l-kummenti li rċieva minn għadd ta’ persuni u għamel xi tibdil fir-rapport li kien ġie diskuss fl-aħħar seminar pubbliku, bl-għajnuna tal-Prof. Albert Borg, il-Prof. Ray Fabri, Dr George Farrugia, Dr Michael Spagnol u s-Sur Thomas Pace. Dan ir-rapport ġie diskuss fil-laqgħa tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2018 u ġie approvat b’mod unanimu. Id-Deċiżjonijiet 2 saru uffiċjali fil-11 ta’ Diċembru 2018 bil-pubblikazzjoni tagħhom fil-Gazzetta tal-Gvern. Ingħata moratorju ta’ ħames snin sakemm dawn id-Deċiżjonijiet jindraw u jidħlu fis-seħħ.

Id-Deċiżjonijiet 2 jisħqu li qabel ma niddeċiedu li nużaw kelma minn lingwa oħra, l-aktar fil-kitba, għandna niżguraw ruħna li ma hemmx kelma oħra diġà stabbilita fil-Malti li taqdina tajjeb għall-istess tifsira jew kunċett. Dan ifisser, ngħidu aħna li jekk għadna nużaw kliem bħal, ‘rigal’, ‘Milied’, ‘ġirien’ u ‘biljett’, m’għandniex nużaw minflokhom il-kelmiet ‘present’, ‘Christmas’, ‘neighbours’ u ‘ticket’, rispettivament. Il-kriterju ewlieni li bih niddeċiedu kelma daħlitx jew le għandu jkun l-użu mifrux u l-ħtieġa tagħha fil-Malti. Il-qofol ta’ dawn id-Deċiżjonijiet nistgħu niġbruh fi tliet kategoriji:

L-ewwel kategorija: kliem li għandna niktbuh dejjem bil-Malti.  Din tinkludi fiha l-kliem li ntgħaġen mal-grammatika tal-Malti bħal nomi li jieħdu l-plural Malti jew verbi li daħlu fil-Malti, eż. dixx > dixxijiet, sors > sorsi; ċippa > ċipep, ipparkja, strajkja, iċċarġja (l-batterija), ikkraxxja.

It-tieni kategorija: kliem li għandna niktbuh dejjem bl-Ingliż. Din tinkludi fiha l-kliem kompost minn żewġ kelmiet jew aktar, eż. basketball, roundabout, fire extinguisher, shock absorber, windscreen.

It-tielet kategorija: kliem li jista’ jinkiteb la Maltija jew jista’ jitħalla miktub bl-Ingliż. F’din il-kategorija nsibu (i) kliem li ma addattax ruħu għall-grammatika tal-Malti u (ii) nomi li jieħdu l-plural ta’ nisel Ingliż –s, eż. kompjuter(s)/computer(s), skrin(s)/screen(s), kuker(s)/cooker(s), ħelikopter(s)/helicopter(s), plastik/plastic, alkoħol/alcohol. Jekk dan il-kliem inqisuh li ndara miktub bil-Malti u ma jitbegħidx wisq mill-forma Ingliża, aħjar niktbuh skont ir-regoli tal-kitba Maltija. Jekk, min-naħa l-oħra, naħsbu li dan il-kliem, meta niktbuh la Maltija, jitbiegħed wisq mill-forma Ingliża u jista’ jtellef lil min jaqrah, ikun jaqbel li nħalluh miktub bl-Ingliż.

Ġie deċiż ukoll li l-kliem li jitħalla miktub bl-Ingliż ma nimmarkawhx bil-virgoletti (inverted commas) jew il-korsiv (italics), sakemm ma jkunx użat f’kuntest pedagoġiku u/jew f’materjal maħsub għal tfal ta’ età bikrija. F’dan il-każ, il-kittieb jew il-pubblikatur jista’ jagħżel (jiġifieri, mhux bilfors) li jimmarkah kif jidhirlu li huwa l-aħjar għall-kuntest li jkollu.

Deċiżjonijiet 2

Dokument Sħiħ

Deċiżjonijiet 2

Dokument Qasir

Tabella

Deċiżjonijiet 2 fil-qosor
Skip to content