Messija tfisser “midluk” – fil-fatt ġejja mill-istess għerq tal-kelma tagħna mesaħ (fl-Għarbi jissejjaħ: el-Masijħ “il-midluk”). Imma aħna mbagħad ħadnieha mit-Taljan Messia, u tlifna l-konnessjoni tant ċara.

Kristu hija l-istess kelma “midluk” maqluba għall-Grieg. Għalhekk ukoll ngħidu Griżma (minn Krisma), għax fiż-żewġ Griżmi ċ-ċelebrant jidlek biż-żejt.

Dak hu l-vantaġġ ta’ min, bħalna, ħa minn ħafna kulturi.

Prof. Manwel Mifsud

GDS / GZZ

Jidher li l-istorja ta’ dawn l-għeruq kienet hekk. L-għerq oriġinarjament kien GDS… mela:

  • gods, kif aktarx jagħtuha d-dizzjunarji l-qodma.
  • geddes, it-tieni forma, u magħha tgeddes, tgeddis, eċċ.

Imbagħad ġara (kif spiss jiġri) li l-fonetika rebħet fuq l-etimoloġija. Billi n-nies kienu jisimgħu ħafna kliem bħal gods, geddsu, tgeddsu, eċċ. li fih joħroġ il-ħoss ta’ zz minn ds, bdew jinterpretaw dan l-għerq bħala GZZ. Dan sar fuq il-mudell komuni ta’ razza/razezpinna/pinensodda/sodod). U allura żviluppaw il-forom ġodda:

  • gozz (minflok gods), bil-plural miksur gzuz. 
  • gezzez (minflok geddes), u magħha tgezzez, tgezziz, eċċ.

Kif naraw, fil-plural saħansitra rebaħ għalkollox l-għerq il-ġdid, la ngħidu gzuz u mhux *gdus.

B’hekk nistgħu ngħidu li żviluppa għerq ġdid minn wieħed qadim. Imma l-forom il-qodma mhux bilfors mietu. Ngħidu aħna, hemm min trabba jgħid geddes, jitgeddes u gozz/gzuz, imma mbagħad gezzez, jitgezzez ikun tgħallimha ‘l barra mid-dar. Issib ukoll min “igezzez” it-trab f’gozz imma mbagħad fix-xitwa “jitgeddes” taħt il-kutra!

Hemm għeruq oħra li għaddew minn dan it-tip ta’ taqlib jew riinterpretazzjoni (jew metanaliżi, kif tissejjaħ teknikament), fosthom l-għerq FTX “to search for” li nbidel ħafna, avolja aktarx ma nindunawx…

Imma dawk inħalluhom għal darb’oħra.

Prof. Manwel Mifsud

Il-ħajja ġġib magħha bidliet bla waqfien. Kull min hu ħaj iġarrab il-bidla. U hekk il-lingwa.

Meta morna l-iskola, għallmuna r-regoli ta’ kif nippronunzjaw il-ħsejjes tal-lingwa, kif niktbuhom, kif nibnu l-kliem, imbagħad kif indommuh f’kullana ta’ ħsejjes ma taqta’ xejn, li biha bdejna nwasslu ħsibijietna u l-ħsus ta’ qalbna. U kien kollu tajjeb.

Imma t-tagħlim tal-lingwi fl-iskola spiss itellagħna bl-impressjoni li l-lingwa hija wieqfa, statika, magħluqa. Sett ta’ forom u regoli ċassi, fissi, eterni, li writniehom mingħand missirijietna biex nibqgħu ntennuhom matul ħajjitna u ngħadduhom qawwijin u sħaħ lil uliedna. Il-ħtieġa tat-tagħlim ta’ regoli sodi u ċari toqtol fina kull sens ta’ kreattività u inizjattiva. Il-lingwa nitgħallmuha bl-amment. U ssir bħad-90 pedina tat-tombla, u l-kelliem xogħlu biss li jtellagħhom mill-borża, waħda wara l-oħra, f’litanija ta’ monotonija kbira.

Imma l-lingwa mhix hekk. Mhix sett perfett ta’ kliem maħdum, imma firxa ta’ possibilitajiet. Mhix kodiċi ta’ forom stabbiliti, imma l-possibilità li tespandihom. Mhix għadira ta’ ilma qiegħed, imma xmara ta’ ilma ġieri. U l-kliem, bħal ħut ħaj ileqq, għaddej jgħum ġo fiha, min dieħel fiha u min ħiereġ minnha b’enerġija kbira.

Int u titkellem jew tikteb, aħseb f’dan u tibżax tkun ġdid, frisk, innovattiv fil-lingwa tiegħek. Tiddejjaqx tissogra, għax min ma jilgħabx ma jirbaħx. Jekk ilsienek urittu mingħand missirijietek, illum huwa tiegħek u jrid jaqdik f’kull bżonn modern li għandek, irid jieħu s-sura ta’ ħsibijietek, il-qawwa ta’ fehmietek. Trid tħalli “ġmielu jintiseġ mal-ġrajjiet ta’ ħajtek”. Biex tgħaddih f’saħħtu, modern, aġġornat lil uliedek.

Bħat-talenti tal-parabbola, ilsienek trid turih id-dawl, u tħaddmu u tkattru, ħalli jagħtik il-frott. Ma tħallihx magħluq u moħbi. Għax fl-għeluq l-ebda siġra ma twarrad.

Prof. Manwel Mifsud

Qatt waqaft taħseb fuq il-ħażna tal-kliem fil-lingwa? U fuq il-ħażna tal-kliem li ġġorr miegħek inti stess?

Kull bniedem f’wiċċ id-dinja jerfa’ f’moħħu ħażna kbira ta’ kliem, kull kelma b’tifsira differenti. Mhux tqil biex tifhem li, iktar ma għandek kliem maħżun, iktar tista’ tfisser ruħek fuq ħwejjeġ differenti.

Għalkemm nitkellmu lingwa waħda, il-ħażna tal-kliem tiegħi mhix bħal tiegħek jew daqsha, għax tiegħi hija r-riżultat ta’ għadd ta’ esperjenzi u ċirkustanzi li sibt ruħi fihom jiena biss, u li huma differenti minn tiegħek. Waqt li l-Malti tiegħi fih bosta kliem li jaqbel ma’ tiegħek, fih ukoll kliem differenti għax marbut mal-impjieg tiegħi, mar-raħal fejn ngħix, mal-klassi soċjali tiegħi, man-nies li nagħmilha magħhom. F’dan is-sens nistgħu ngħidu li hemm tant “Maltijiet” daqskemm hemm Maltin, u li dak li nsejħulu “l-Malti” mhux ħlief il-ġabra, il-ġemgħa ta’ dawn il-Maltijiet kollha tagħna flimkien.

Issa dan jgħodd ukoll meta nqabblu l-ilsna bejniethom. Ilsien b’vokabolarju żgħir aktarx issib li huwa lsien ta’ poplu li l-esperjenzi tiegħu ma kinux varjati ħafna u lsienu ma ħaddmux f’bosta oqsma differenti. Mill-banda l-oħra, ilsien li nfirex f’ħafna pajjiżi u tħaddem f’ħafna sitwazzjonijiet differenti maż-żmien jiġma’, jiżviluppa u jaħżen vokabolarju b’mijiet tal-eluf ta’ kliem. Mela l-ħażna ta’ kliem ta’ lingwa tirrifletti l-medda tal-ħsieb tal-poplu li jitkellimha. Tista’ tiċkien jew tikber skont kif titwessa’ jew tidjieq il-firxa ta’ ħsibijietu. Mhijiex wieqfa. Mhijiex għadira, imma xmara. Xmara li tgħaddi qajl qajl, bi kliem qadim ħiereġ minnha u bosta kliem ġdid jissieħeb u jitwaħħad magħha.

Fl-ilsna kkultivati, ma jdumx ma jinqala’ min jitħajjar jiġbor il-kliem mitħaddet u jdommu flimkien f’dizzjunarju tal-lingwa. L-ewwel ġabra kbira ta’ lsienna hija dik ta’ Ġan Franġisk Agius de Soldanis, Damma tal-Kliem… Imxerred fil-fomm tal-Maltin u l-Għawdxin: isem xieraq tassew! Warajha ġew ġabriet importanti oħra, bħal dik ta’ Mikiel Anton Vassalli, u fi żmienna d-dizzjunarji l-kbar: Il-Miklem Malti  (M-M) ta’ Erin Serracino Inglott u l-Maltese-English Dictionary ta’ Ġużè Aquilina, kapolavuri ta’ ġbir, tqassim u tifsir tal-kotra tal-kliem Malti.

Imma l-ħażna tal-Malti ma tiqafx hawn. Bħal xmara, tibqa’ sejra bil-kliem u t-tifsir li sikwit ifiġġ fuq fomm il-Maltin, kliem qadim li qatt ma ġie rreġistrat u kliem ġdid dieħel minn lingwi oħra jew żviluppat minn min iħaddem il-Malti, li llum infirex ’l hemm mil-limiti tar-raħal, ’l hemm minn xtutna, f’tant oqsma ġodda speċjalizzati, bħal ilsna Ewropej oħra b’esperjenzi ikbar minn tagħna. Il-Malti qiegħed jikber.

Jekk smajt b’xi kelma jew espressjoni li taħseb li mhix fid-dizzjunarju, għaddihielna minn hawn.

Prof. Manwel Mifsud

Ġieli tiltaqa’ ma’ xi ħadd li fl-imgħoddi tkun ġratlu xi ħaġa kbira, ħabib tal-qalb daħaq bih, jew għadda tfulitu maħqur u mċekken. U did-diżgrazzja jkun inqabad fiha u baqa’ taħtha. U, għalkemm ikun għadda ż-żmien u jkun miġjub u miżmum fuq l-idejn, jibqa’ dejjem jhewden, dejjem jissuspetta u jitbeżża’… jibża’ jagħmel pass, jibża’ li jarralu. U jiġrilu li qatt ma jgħaddi ’l quddiem, għax id-dgħajsa ma tistax issalpa u toħroġ mill-port qabel ma jaqtgħulha l-ankri li jxekkluha.

L-ilsien Malti wkoll għadda tfulitu mwarrab, ittraskurat u mċekken. Il-ħakkiema tagħna kienu jġibu l-lingwa tagħhom u biha jimlew l-oqsma ewlenin tal-ħajja; ilsienna kien jifdallu biss li jimla l-ispazju li jibqa’. U dam ħafna lsien mitkellem biss u fi ftit oqsma, u mhux ikkultivat anzi ġieli mistkerrah għall-faqar u “n-nisel baxx” tiegħu.

Illum li għadda ż-żmien u l-folja nqalbet, u l-Malti avvanza u sar mhux biss ilsien nazzjonali f’pajjiżu imma wkoll lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, u qiegħed jinfirex u jissaħħaħ f’bosta oqsma ewlenin, huwa importanti li ma jiġrilniex bħalma ġralu l-ħabib tagħna li baqa’ kkundizzjonat mill-passat u ankrat miegħu. Kien x’kien is-saram li l-Malti ra ma’ wiċċu fl-imgħoddi, kienu liema kienu l-lingwi li darba jassruh, illum irid jifraħ li ġie spalla ma’ spalla magħhom u jrid jitgħallem jgħix fosthom b’rasu merfugħa. Għax jekk ma jitgħallimx jirrispetta lilu nnifsu, mhux se jeħles mill-jasar tal-imgħoddi.

U kif nistgħu nkunu ħielsa tassew u fil-paċi mal-imgħoddi tagħna?

Qabelxejn, billi nifhmu li l-istorja  tinbidel anke għalina, u li — kien x’kien fl-imgħoddi — il-Malti huwa dak li hu llum u li nagħmluh aħna f’li ġej. Min fadal fih xi rabja għall-imgħoddi jrid idawwarha f’enerġija pożittiva favur ilsienna. Is-sjuf se ndewbuhom ħa nagħmlu minnhom imħaret.

It-tieni, billi ma nistħux mill-imgħoddi tagħna. Il-mixja progressiva li rat ilsienna joħroġ miċ-ċokon tiegħu u jikber maż-żmien tagħmillu unur. Mhux għaqli min jistħi minn dar tfulitu u minn ommu fqira, flok jiżżihom ħajr li għenuh joħroġ minn faqru u jistagħna.

U anke billi ma nistħux min-nisel tagħna. Il-Malti, ngħidu aħna, huwa lsien mibni fuq pedament Għarbi, u dan fl-imgħoddi kien l-inkwiet u l-mistħija ta’ bosta. Fis-seklu mdawwal tagħna, nifirħu bih bħala fatt pożittiv, li jagħmlu lsien interessanti fin-nisġa mħallta tiegħu u l-unika lingwa Semitika fl-Ewropa tad-diversità.

Il-ħajja tagħtik iċ-ċansijiet tiegħek, imma tibqa’ miexja, ma tistenniex. Min joqgħod jitbekka l-imgħoddi tiegħu u jibki xortih ikun qed jinħeba fil-passat, forsi għax ikun jibża’ jiffaċċja l-isfidi tal-futur…

Se naqtgħu l-ankri tal-imgħoddi u trankwilli nsalpaw lejn il-Lvant, fejn ix-xemx kbira u sabiħa qed issejħilna…

Prof. Manwel Mifsud

Issa li qtajna l-ankri tal-imgħoddi u ssaffejna mill-biża’ ta’ tfulitna, nistgħu nsalpaw bis-sliema ’l barra mill-port, lejn xtut magħrufa u xtut mistura. Il-Malti bħalissa għandu r-riħ fil-qala’. Imma quddiemna l-iskollijiet ma jonqsux, u l-irjieħ tal-fortuna jistgħu jħawdulna triqatna għal għarrieda. Irridu naħfnu t-tmun u b’rieda soda nħarsu ’l quddiem, dejjem ’il quddiem, lejn il-mira tagħna.  Fiduċjużi fil-futur.

U kif nistgħu nkunu tassew fiduċjużi fil-ġejjieni ta’ lsienna? Liema huma l-ideali li għandna nżommu quddiemna, u liema tfixkil irridu naħarbu?

Qabelxejn, li ma nerġgħux naqgħu lsiera taċ-ċokon tagħna. Ma ninqdewx bih biex niskużaw fina u madwarna l-medjokrità, ma niżżerżqux ħelu ħelu lura fit-tħannina sħuna ta’ din il-benniena. Iċ-ċokon m’għadux skuża. Illum irridu nkunu kbar, u nikkompetu fl-Ewropa u fid-dinja. M’aħniex iddiżgrazzjati. U għal ilsienna rridu nagħmlu dak li sar u qed isir fl-aqwa pajjiżi tal-Ewropa. Irridu nitgħallmuh, inkomplu nitkellmuh u niktbuh, inkomplu narawh madwarna kullimkien, fit-tabelli, fil-gazzetti, fil-kotba. Nisimgħuh mitkellem fit-toroq u fix-xogħol, fil-parlament u fil-każin, fil-kċina u fl-Ewropa; irridu nistudjawh fl-ogħla livelli. Irridu nsiru kbar. Din hi l-isfida li għandna quddiemna, din hi s-sejħa tagħna, is-sejħa għall-maturità.

Irridu nkunu kreattivi. Il-Malti lsien qadim li tul is-sekli għaraf jieħu għamliet differenti u jirkeb dejjem il-mewġa taż-żmien, sa ma wasal għandna qawwi u sħiħ. Irridu niskopru fih il-ġmiel moħbi, niggustaw il-melodija ħelwa tiegħu, nemmnu fil-potenzjal tiegħu, fit-taħlita minn għejun differenti li tagħtih saħħtu. Irridu bla biża’ nagħġnuh bħat-tajn u nonfħu ruħna fih, ħa jieħu s-sura ta’ ħsiebna. Nirrenduh ilsien ħaj u modern, aġġornat, frisk u dejjem jinbidel.

nemmnu fina nfusna. Ilsienna nħobbuh għalih innifsu, mhux bi nkejja ta’ xi ħadd, mhux f’kompetizzjoni mal-Ingliż jew ma’ xi lingwa oħra. Ilsienna għandu post għalih, l-eqreb lejn qalbna, u f’dan mhu qiegħed f’tellieqa ma’ ħadd… Imma bil-qalb jissieħeb ma’ ilsna oħra biex flimkien imexxuna ’l quddiem fil-ħajja mdawla tagħna.

Fuq kollox, irridu nagħmlu l-qalb, biex nagħrfu li kull skoll hu sfida, u kull sfida opportunità biex nikbru.

U niftakru li, għal min jemmen fih innifsu, xejn mhu impossibbli.

Prof. Manwel Mifsud

Ma nkunux qegħdin niftaħru jew ngħaġġbuha meta ngħidu li ftit huma l-pajjiżi li għandhom storja mżewqa u mqallba daqs l-istorja ta’ dawn il-gżejjer. Minsubin f’nofs ta’ baħar traffikuż, baħar ta’ laqgħat u konfronti, ta’ negozju u gwerer, matul is-sekli missirijietna raw jaslu fi xtutna nies ta’ kull twemmin, ta’ kull ġens, ta’ kull ilsien. Ħakma wara l-oħra għaddiet bħal mewġa minn fuqna u, mat-tbatija tal-ħakma, ħallitilna wkoll il-melħ tal-kultura tagħha.

Hemm popli li xortihom kienet li jgħixu dejjem qalb il-muntanji jew fi gżira maqtugħa minn kulħadd, u baqgħu magħluqin fihom infushom. Drawwiethom ma nbidlux, twemminhom ma ġarrabx il-konfront. Ilsienhom ma tħallatx, ma nbidilx, ma żviluppax, ma ssaqqiex bl-ilma ħaj tal-ideat ġodda, ma adattax ruħu. U baqa’ mqerden. Fil-konfront mal-lingwi l-kbar u dinjija, bosta minn dawn l-ilsna ġa għebu minn wiċċ id-dinja, u oħrajn qegħdin biex. Agunija ta’ kulturi u ta’ dinjiet.

Il-Malti xortih kienet differenti. Djalett Semitiku mitluq għal riħu fuq gżira żgħira, maqtugħ mill-kenn ta’ dar missieru u mirkub minn lingwi barranin tant differenti minnu, tgħallem sa minn kmieni l-lezzjoni l-kbira tal-ħajja: li fil-mewġa tal-ħajja jekk ma tgħumx, tegħreq. Min ma jadattax ruħu, imut. Il-qasba li ma tixxejjirx man-nefħa tar-riħ, tinkiser.

Il-Malti, b’sisien Għarab qawwija – u għalhekk ilsien Semitiku – infetaħ għall-kultura Ewropea li ġie f’kuntatt magħha u ġarrab l-influwenza tal-lingwa ta’ kull poplu li żarna. Dan jidher ċar malli wieħed iħares lejn kitba bil-Malti modern, fejn isib tiżwiqa ta’ kliem ta’ nisel tant differenti, imma kollu minsuġ b’armonija fi lsien wieħed. Imma dan ġara wkoll fil-livelli iktar profondi tal-lingwa, ngħidu aħna fil-grammatika u s-sintassi, biex ma nsemmux ukoll il-ħsejjes tal-Malti li llum huma eqreb lejn dawk tal-ilsna Ewropej milli lejn l-Għarbi nnifsu.

Illum din il-lingwa żgħira għandha l-ħila tadatta ruħha għal sitwazzjonijiet ġodda, u anke tintegra bla tbatija kull element li teħtieġ u li ma tistax toħloq minn tagħha.

Din l-adattabilità li l-Malti kiseb mit-tiġrib ta’ sekli twal ta’ kuntatt hija waħda mill-aqwa kwalitajiet ta’ lsienna. Hija wkoll il-garanzija li lsienna ma jiġrilux bħal tant ilsna li baqgħu magħluqin fihom infushom u nixfu. Jekk il-Malti huwa lsien ħaj, progressiv, miktub ta’ kuljum, imħaddem fix-xandir, b’letteratura tiegħu, u lsien nazzjonali tal-Maltin, dan jafu lill-ħila li jadatta ruħu. Ħila li anke llum qed tgħinu jilqa’ sfida ġdida, dik li jarma ruħu daqs il-lingwi l-kbar tal-Ewropa.

Sakemm il-Malti jibqa’ miftuħ għal esperjenzi ġodda u jadatta ruħu, jibqa’ ħaj u jibqa’ jikber. Bħall-qasba li, għax tixxejjer mal-irjieħ, qatt ma tinkiser.

Prof. Manwel Mifsud

Hemm qawl Għarbi sabiħ ħafna li jgħid: As-sabr miftâħ al-faraħ (Is-sabar muftieħ il-ferħ)… Iġegħelni naħseb…

Illum li ngħixu ħajja hekk mgħaġġla, donna qed niġru wara l-minuti iżda tlifna l-valur taż-żmien, tar-ritmu naturali tal-ħajja, u d-don tas-sabar. Għandna kollox, minbarra l-ħin. Maqbudin fl-ingranaġġ tar-rutina li ddawwarna bla ħniena, donna m’għandniex sabar nistennew is-sebħ lil hinn mil-lejl, m’għandniex paċenzja ma’ xulxin, m’għadniex naraw lil hinn mill-ponta ta’ mneħirna. Nixorbu l-kafè instant, nieklu l-fast food u nibagħtu l-messaġġi qishom berqa… waqt li narawhom jieħdu għomor biex jaslu. Il-frott jinħataf nofsu nej, bla togħma minn ħdan is-siġra biex jilħaq is-suq, u l-injam għadu ilma jintefa’ fil-fran biex jitnixxef bla dewmien…  “We want it all and we want it now” huwa r-ritornell ta’ kanzunetta popolari li donnu sar il-motiv ta’ ħajjitna.

Imma, fil-fond ta’ qalbna, aħna lkoll nafu kemm għadu minnu l-qawl qadim li “ż-żmien isajru l-bajtar”.

Issa dan li qed ngħidu, kif jgħodd għall-ħajja kollha, jgħodd ukoll għal-lingwa. Għax din, bħall-frotta, tista’ tgħinha u toħolqilha l-kundizzjonijiet tajbin biex tiżviluppa, imma ma tistax tiddettalha r-ritmu tal-iżvilupp, ir-rata tal-bidla. Għaliex hija naturali. Bħall-injam u bħall-bajtra u bħan-natura kollha kemm hi. Mhijiex mgħaġġla… timxi mal-istaġuni u trid iż-żmien tagħha.

Inti ħu minn ilsienna. Kellu rebbiegħa twila, u kemm kienet twila! Ħadet elf sena. Elf sena li fihom l-għerq Għarbi tlaqqam bil-feles Rumanz fid-dalma taż-żmien. Għadda mill-iljieli kesħin tal-abbandun u ġarrab ukoll il-jiem tqal sajfija. Żaritu kemm-il darba n-naħla bieżla li mill-bogħod ġabitlu d-dakra. Imbierka d-dakra! Hekk sa fl-aħħar seħħ il-miraklu tal-għaqda tal-magħruf mal-mhux-magħruf, tal-qadim mal-ġdid. U feġġ l-ewwel rimi. Tant kliem imħallat, frott it-tlaqqigħ tal-elementi, f’kundizzjonijiet partikolari, man-newba u l-istaġun, prodott tas-sabar, prodott taż-żmien. U llum l-ilsien Malti, frott mill-iktar bnin, bħall-bajtra u l-ħawħa tar-raba’ tagħna. Mhux xogħol tal-ħatfa dan, ħabib, mhux xogħol tal-għaġla.

Is-sabar mhuwiex għażż, mhux rassenjazzjoni, mhux biża’ tal-futur. Huwa l-kuraġġ meqjus, imrażżan, għaref. Saħħtu ġejja mill-perseveranza, mit-twemmin sħiħ fil-għan aħħari, mill-imħabba siekta, determinata, iddedikata, kostanti. U minn fidi kbira fil-futur. Viżjoni.

Illum li l-Malti rikeb fuq ħafna mill-għawġ tal-imgħoddi u ġmielu qed jifrex il-friegħi u jħaddar, ejjew niftakru li jekk dan seħħ, kien biss għax kien hemm min, bis-sabar kollu u bi mħabba kbira, ħadem fis-skiet bla ma talab il-ħlas jew ir-riżultat ta’ malajr. Kien hemm min emmen fiż-żmien u bit-tbatija żera’ siġra li kien jaf li tieħu s-sekli biex twarrad, u li għad jieklu minnha wlied uliedu.

Ħabbna mill-bogħod, ħabbna bis-sabar. U aktarx kien hu li ma’ lsienna sabiħ ried iħallilna b’wirt l-għerf ta’ tiġribu: li “ż-żmien isajru l-bajtar.”

Prof. Manwel Mifsud

Bosta minna li jitkellmu tajjeb bil-Malti għandhom id-drawwa li, huma u jgħidu n-numri f’sensiela ta’ ċifri, bħalma jiġri fin-numri tat-telefown, jitilquhom bl-Ingliż. Tista’ tgħid, bla ma jintebħu. Kważi kważi, jiġuhom naturali…

Minn fejn ġejja din id-drawwa stramba li qed taqla’ barra n-numri Maltin mit-taħdit?

Jista’ jkun mill-fatt li n-numri Ingliżi nzertaw qosra, ħaġa li fil-ħajja mgħaġġla tal-lum jista’ jkollha l-piż tagħha. Imma forsi aktar minħabba li sa minn tfulitna għallmuna norbtu kull tagħlim tal-iskola mal-Ingliż, u mqar l-iktar somom ħfief drajna naħdmuhom u nħolluhom bl-Ingliż. Biex tkompli tagħqad, il-kotba kollha tal-matematika kienu bl-Ingliż ukoll.

F’sitwazzjoni bilingwi bħal ta’ Malta, dan ma jaħsadniex. Iżda tajjeb nirriflettu li l-għerf u t-tagħlim ma huma marbutin mal-ebda lingwa partikolari. M’hemmx lingwa waħda għat-tagħlim. Tista’ titgħallem u timxi ’l quddiem bit-Taljan, bir-Russu, bil-Malti, bil-Franċiż, bl-Ingliż u b’kull lingwa oħra. In-nies f’kull pajjiż jitgħallmu qabelxejn jaħsbu u jedukaw ruħhom bi lsienhom. U jgħoddu, u jgħidu sninhom u jagħtu n-numri bil-lingwa tagħhom.

Aħseb ftit f’dan meta tagħti n-numru tat-telefown tiegħek…  U agħmel il-qalb u ibda:  Tnejn wieħed…

Prof. Manwel Mifsud

Il-Malti lsien imħallat. Bħal ħafna u ħafna ilsna oħra, u forsi iktar minnhom. Xhieda ta’ storja twila, ta’ bosta ħakmiet, ta’ ħafna kuntatti. Jekk tieħu f’idejk il-gazzetta ta’ dalgħodu, issib l-aqwa xhieda ta’ dan. Quddiemek ifiġġ għadd kbir ta’ kliem, il-vokabolarju mżewwaq tal-Malti, imsensel kelma wara l-oħra: waħda mit-Taljan, oħra mill-Għarbi; kelma mill-Ingliż, oħra mill-ġdid Għarbija, imbagħad waħda Sqallija… Kull kelma hija fdal ta’ kuntatt, ta’ esperjenza li għexna flimkien mal-poplu – darba ħakkiem tagħna – li kien jużaha u li tahielna.

Tahielna u saret tagħna. Maltija. Ġieli bdilnielha l-ħoss tagħha kif għoġob lilna. Ġieli nbidlet it-tifsira, twessgħet jew djieqet skont l-ispazju li ħallejnielha. Spiss tajnieha l-plural tagħna (eż. skola skejjel). Għammidnieha u daħlet mal-bqija, f’din ix-xmara ta’ kliem dejjem għaddej fuq fommna, dejjem iktar imżewwaq, dejjem iktar magħqud flimkien. Bħal familja kbira fejn it-tarbija l-ġdida titwieled u tintlaqa’ fost ħutha, jifirħu biha u tinseġ ħajjitha ma’ tagħhom.

Inqala’ kultant min – imqar b’fehma tajba – ried jagħżel bejniethom u jifridhom. Min ried jiċħad lill-kbir, u webbilna li l-Malti m’għandux mill-Għarbi, bħallikieku tista’ tgħatti x-xemx bl-għarbiel. Min wissiena li t-Taljan iniġġes u aħna rridu nkunu safjin. U mqar illum, ma jonqosx min il-kliem li daħal fi lsienna mill-Ingliż (bħal kompjuter u futbol) jgħidilna li mhux bin il-familja Maltija, għax forsi ġieli rah ukoll għand il-ġirien.

Kollu Malti, u kollu ndaqs. Min iħobb il-familja tal-kliem Malti, il-lingwa Maltija, ma jagħżilx bejniethom, ma jifridhomx, lil ħadd minnhom ma jkeċċi ’l barra għax kulħadd għandu postu. Anke jekk wieħed tfarfar u kiber, u l-ieħor għadu fuq id-dirgħajn. Imqar dan tal-aħħar, merħba bih.

Għax fil-familja Maltija ħadd mhu żejjed.

Prof. Manwel Mifsud

Il-bidliet kbar li seħħew fl-aħħar ħamsin sena, l-aktar fil-qasam soċjali u fil-komunikazzjonijiet, laqtu mhux ftit il-firxa tal-kuntatti umani u taw sura ġdida lill-mappa tal-lingwi Ewropej. Min sa issa kien jgħaddi bi lsien twelidu, issa jeħtieġlu jitgħallem ilsien ieħor u iktar, biex jikkomunika aħjar mad-dinja l-ġdida.

L-istituzzjonijiet Ewropej dan għarfuh kmieni u llum kollha mexjin fuq programm ta’ tifsil għal-lingwa li qed isejħulu “l-wieħed bi tnejn” (one plus two). Qed isostnu li kull ċittadin Ewropew, li dari forsi kien moqdi bi lsien twelidu, issa għandu jinfetaħ u jkun jaf mill-inqas żewġ lingwi oħra, sabiex ilkoll insiru nafu lil xulxin aħjar u nsaħħu l-ilsna sbieħ tad-dinja, li huma wirt kbir u għażiż.

Bosta gvernijiet, edukaturi u ġenituri qed jilqgħu din is-sejħa. Bosta qed jagħżlu li, barra lsien art twelidhom – li jiġi l-ewwel – jippromwovu wkoll l-Ingliż bħala lsien ta’ komunikazzjoni internazzjonali u miegħu lsien ieħor. U l-pjanijiet edukattivi tagħhom qed ifassluhom f’din id-direzzjoni.

F’Malta, tisma’ min jgħidlek li aħna “għandna d-don tal-ilsna”. U bir-raġun. Mhux għax aħna speċjali, jew aqwa minn ħaddieħor. Imma ċ-ċokon ukoll għandu l-vantaġġi tiegħu. F’pajjiżi wisq ikbar minna għan-nies kien biżżejjed li jitgħallmu l-lingwa tal-post. Imma f’Malta, għax aħna komunità żgħira u minn dejjem maħkuma, kellna bilfors nitgħallmu lsien ieħor b’firxa ikbar minn tagħna, dak tal-ħakkiem. Huwa għalhekk li llum għandna l-Malti u l-Ingliż bħala l-ilsna uffiċjali tagħna. U nitgħallmu t-Taljan, il-Franċiż, il-Ġermaniż u ilsna oħra. Dan huwa ġid kbir, u l-ġid dnub min iberbqu.

U hawn qiegħed il-bużillis. Għax waqt li fl-Ewropa lil min jaf ilsien wieħed qed iħabirku biex jgħallmuh żewġ ilsna oħra, hawn Malta ssib min – għax ma jafx l-affarijiet – qed jimxi bil-maqlub! Mhumiex ftit il-ġenituri li lil uliedhom itellgħuhom b’lingwa waħda biss, imqar jekk huma jkunu jafu żewġ lingwi jew aktar. Jagħmluhom ifqar minnhom.

Ftakar li, jekk inti tassew Ewropew, tgħożż qabelxejn ilsienek u miegħu l-ilsna l-oħra, u lil uliedek ma tfaqqarhomx, imma tgħaddilhom b’wirt id-don tal-ilsna.

Prof. Manwel Mifsud

Kultant issib ruħek f’xi ambjent soċjali magħluq fejn bilkemm ma jġegħlukx tħossok ħuta barra mill-ilma meta titkellem bil-Malti. Lil uliedek, għax jitkellmu bil-Malti, iqisuhom tfal tat-tieni klassi u jittantaw iwarrbuhom.

Issa meta tqis li qiegħed f’Malta u li l-Malti huwa mhux biss l-ilsien nazzjonali ta’ dan il-pajjiż imma wkoll ilsien uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, dan huwa għajb kbir għaliex juri li Malta mhix pajjiż normali u mhix pajjiż Ewropew.

Fil-pajjiżi normali, u dan jgħallmuhulna sewwasew bosta barranin li jgħixu fostna, in-nies jitkellmu qabelxejn bi lsien art twelidhom, imqar jekk jitgħallmu tajjeb u jħobbu wkoll ilsna oħra. Għax hekk naturali. Ilsienhom jitgħallmuh qabel l-oħrajn, iħobbuh fuq l-oħrajn, jużawh kullimkien u ma jistħux minnu. La min-nisel, la mill-ħoss u lanqas mill-kitba tiegħu. Ma jfittxux li jibdluh biex iħossuhom aħjar minn ħuthom l-oħra, biex jinqatgħu minnhom, biex jippruvaw isiru “daqs ħaddieħor”.

Għax – jekk m’għandekx problema bik innifsek, jekk m’għandekx kumpless ta’ inferjorità ħdejn ħaddieħor – ma tistħix minn dak li hu tiegħek anzi tħossok imwettaq bih, tħossok kburi li, imqar jekk inti żgħir, għandek fehma, ilsien u identità li jagħmluk int, int sħiħ, la inqas u lanqas iktar minn ħaddieħor… hekk, normali.

Bħall-bqija tan-nies tad-dinja.

Prof. Manwel Mifsud

L-għanja tal-Happy Birthday hi popolari mad-dinja kollha u teżisti f’verżjonijiet differenti, b’diversi lingwi barranin.

Bil-Malti teżisti wkoll. Il-Ferħ u Awguri titkanta fuq l-istess melodija:

Ferħ u awguri f’dal-jum,
għeluq sninek illum.
Ferħ u awguri lil …
Ferħ u awguri f’dal-jum!

U magħha għandna wkoll l-għanja ta’ Qalbhom Tajba li titkanta fuq il-melodija tal-He’s a Jolly Good Fellow:

Għalih:

Kemm għandu qalbu tajba (x3)
U bih aħna kburin.

U bih aħna kburin (x2)
Kemm għandu qalbu tajba (x3)
U bih aħna kburin.

Għaliha:

Kemm għandha qalbha tajba (x3)
U biha aħna kburin.

U biha aħna kburin (x2)
Kemm għandha qalbha tajba (x3)
U biha aħna kburin.

Inħeġġukom tużaw l-għanjiet bil-Malti fl-iskola u fl-attivitajiet festivi li jkollkom.

Prof. Manwel Mifsud

It-Taljan lingwa rikka li torbotna ma’ pajjiż Mediterranju bħalna, ġar tagħna, mogħni b’kull ġid kulturali u artistiku, u li miegħu għandna rabtiet mill-eqdem.

L-Ingliż illum huwa lsien internazzjonali ta’ siwi kbir għalina, u għandna x-xorti li ilu fostna fuq mitejn sena u laħaq rabba l-għeruq f’artna. Il-poplu Malti dan japprezzah u għalhekk qiegħdu bħala lsien uffiċjali mal-Malti u jixtieq li kull student ikun jaf ifisser ruħu sewwa bih.

Iżda, fost l-ilsna kollha, il-Malti biss huwa l-veru lsien ta’ din l-art u huwa l-uniku lsien b’appell tassew demokratiku.

Għax it-Taljan għamel żmien assoċjat ma’ klassi pprivileġġjata, u ta’ dan għad għandu diwi mqar fostna llum.

L-Ingliż huwa l-ilsien tal-aħħar ħakkiem tagħna, u b’xorti ħażina għad hawn fostna min għadu taħt il-mewġa tal-kolonjaliżmu, bħalma hawn min jinqeda bih biex joħloq firdiet ġodda, firdiet tal-klassi li la jixirqu lis-seklu mdawwal tagħna u lanqas lill-istess lingwa Ingliża li tista’ tkun mezz ta’ komunikazzjoni mill-aqwa.

Il-Malti biss qatt ma kien ilsien tal-ħakkiem jew ta’ xi klassi soċjali, imma mal-poplu Malti bata l-abbandun u l-umiljazzjoni ta’ sekli sħaħ u miegħu tela’ bit-tbatija l-għolja tal-qawmien u tal-identità. U llum iperper bħal bandiera fuq il-quċċata: l-aqwa sinjal tal-identità tagħna.

L-ilsien Malti, mitkellem u miktub kullimkien, fit-toroq, fil-ħwienet, fix-xogħol, fl-uffiċċji, fil-knejjes, fil-Parlament u fl-Unjoni Ewropea.

L-uniku lsien li jinftiehem mill-poplu kollu, li jgħaqqadna lkoll, l-uniku lsien tassew demokratiku.

Prof. Manwel Mifsud

Skip to content